Ir-responsabilità ewlenija ta’ mexxej ta’ partit hija li jgħaqqad l-elementi diversi u n-nies flimkien. Mexxej ta’ partit li jaspira għal suċċess elettorali ma jipprovax ineħħi nies li ma jafdawhx iżda li jikkonvinċihom jaħdmu flimkien.
Hekk iddikjara l-eks strateġista Nazzjonalista Richard Cachia Caruana f’intervista mas-Sunday Times of Malta, b’referenza ċara lejn il-Kap Adrian Delia u l-qasma interna fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Bi twissija lejn it-tmexxija Nazzjonalista, Cachia Caruana qal li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jaspira li jikkonvinċi votanti tal-Partit Laburista jekk qabel ma jikkonvinċix lill-attivisti Nazzjonalisti. Dan għaliex hemm diversi ambizzjonijiet konfliġġenti fil-partit.
Saħaq li din dehret fiċ-ċar fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali fejn ammont ta’ votanti Nazzjonalisti bagħtu messsaġġ li ma jemmnux li l-partit jista’ jirbaħ elezzjoni ġenerali.
L-eks assistent ta’ Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi qabel ma’ Louis Galea meta saħaq li kien żball li nbidel l-istatut sabiex il-kap jiġi elett mit-tesserati. Saħaq li din kienet sistema li l-aħħar li ntużat kien qabel l-1977, u meta din nbidlet biex jiddeċiedu l-kunsilliera, bdew isiru riformi vera fil-partit.
Qabbel ukoll din is-sitwazzjoni mal-Partit Konservattiv Ingliż, fejn qal li dan għadda minn tliet kapijiet qabel ma’ mexxej elett mill-membri tal-partit sar Prim Ministru.
Cachia Caruana, li hu magħruf għal kemm hu viċin tal-eks Kap Simon Busuttil, qal li Galea inħatar sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Delia.
Cachia Caruana sostna li partit politiku jeżisti biex jirbaħ l-elezzjonijiet u għaldaqtsant it-tmexxija preżenti għandha tisma’ l-messaġġi li qed jibgħatu l-partitarji qabel ma’ dawn jabbandunaw il-partit darba għal dejjem fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Ma jistax ikun li t-tmexxija tibqa’ bil-mentalità ta’ business as usual.
B’referenza għad-dikjarazzjonijiet ta’ Delia li ħadd m’hu ikbar mill-partit, Cachia Caruana temm jgħid li kulħadd huwa suġġett għal kritika.
“There can be no sacred cows”, qal Cachia Caruana.