Mijiet ta’ kunsillieri tqaċċtu jew żdiedu mil-lista ta’ kunsillieri li fl-aħħar Sibt tax-xahar se jkunu qegħdin jiddeċiedu l-ġejjieni ta’ Adrian Delia fil-Partit Nazzjonalsita.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista allegaw ma’ The Times of Malta li mindu ġiet ippreżentata l-mozzjoni biex tiġi sfiduċjata t-tmexxija tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mill-ex kandidat Ivan Bartolo u l-laqgħa tal-eżekuttiv li ddeċiedet id-data tal-vot, il-lista tal-kunsilliera eleġibbli jivvutaw inbidlet ta’ taħt fuq.
Is-sorsi fil-partit Nazzjonalista qalu li minn evalwazzjoni li saret tal-lista joħroġ li bejn il-25 ta’ Ġunju, meta Bartolo ppreżenta l-mozzjoni bil-firem tal-200 kunsillier, u l-4 ta’ Lulju meta l-Eżekuttiv iddeċieda dwar id-data tas-27 ta’ Lulju għal vot dwar Delia, żdiedu u tneħħew mijiet ta’ ismijiet.
Mistoqsi mill-gazzetta, uffiċjal fl-amministrazzjoni qal li dawn saru biex ikun assigurat li l-listi huma dejjem aġġornati.
Iżda skont il-gazzetta iż-żewġ fazzjonijiet mhux qed jaqblu dwar liem verżjoni tal-lista għanda tiġi użata.
Il-fazzjoni Busuttil qed tgħid li l-lista aġġornata fil-25 ta’ Ġunju għanda tiġi użata peress li f’dik id-data ġiet ippreżenata l-mozzjoni. Iżda l-fazzjoni Delia qed targumenta li peress li dik il-mozzjoni ma ġietx aċċettata u minflok kien Delia innifsu li għażel li jirrikorri għal vot ta’ fiduċja, il-lista li għandha tintuża trid tkun dik aġġornata fl-4 ta’ Lulju – id-data ta’ meta Delia sejjaħ il-Kunsill Ġenerali.
It-Times fakkret kif il-listi jaqgħu taħt ir-responsabilità tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli. Fil-fatt il-gazzetta qalet li l-kumitati sezzjonali intalbu jibagħtu listi aġġornati ta’ dawk eleġibbli jivvutaw lid-Dar Ċentrali.
Il-gazzetta qalet ukoll li qed tqum kwistjoni dwar il-mistoqsija fil-vot.
Dawk ta’ Busuttil iridu li l-mistoqsija tkun dwar jekk Delia għandux jerfa r-responsabilità u jirriżenja, filwaqt li ta’ Delia qed jinsistu li l-mistoqsija tkun dwar jekk Delia għandux ikompli jmexxi l-partit u jwettaq riformi fil-partit.
Sors fi ħdan it-tmexxija qal mat-times li din il-kwistjoni probabilment se tkun riżolta mill-eżekuttiv. Li hu ċert huwa li b’Delia jew mingħajru l-partit huwa maqsum u ma jistax jimxi ‘l quddiem qabel ma jsib forza li tgħaqqdu, qal is-sors.