Lejn tmiem din is-sena mistenni jibda x-xogħol fuq Park tal-Familja fil-Qortin, Għawdex, lok li għal żmien twil kien miżbla.
Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera sostna li wara li saru bidliet fil-pjanti issa l-awtoritajiet mistennija jiddeċiedu fuq il-permessi. “L-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar għax-xogħlijiet neċessarji tinsab fi stadju avvanzat,” qal il-Ministru Herrera fil-Parlament.
Fisser kif il-pjanti ta’ din l-applikazzjoni ġew emendati riċentement sabiex dan ilproġett ikun aċċessibbli minn kulħadd. Fil-fatt, il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità qablet ma’ dawn l-emendi u bħalissa, il-Wasteserv qiegħda tistenna lill-Awtorità tal-Ippjanar tikkonkludi l-applikazzjoni u toħroġ il-permess.
Iktar minn hekk għaddejjin it-tħejjijiet biex toħroġ is-sejħa għall-offerti biex ikun jista’ jibda x-xogħol. “Bħalissa t-tender biex isiru xogħlijiet ta’ titjib fil-Qortin biex dan is-sit ikun addattat sabiex jinfetaħ għall-pubbliku ġie preparat u bħalissa qiegħed jiġi vvettjat mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Huwa mistenni li l-vetting jiġi konkluż fil-ġimgħat li ġejjin u b’hekk it-tender ikun jista’ jiġi ppubblikat,” żied il-Ministru Herrera. Kien hawn li l-Ministru qal li jekk kollox jimxi skont il-pjan u jkun hemm kuntratturi li jitfgħu offerti biex isir ix-xogħol, dan ikun jista’ jibda fl-aħħar kwart ta’ din is-sena u jiġi konkluż għal nofs l-2020.
Lejn tmiem is-sena li għaddiet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista provat tagħti l-impressjoni li l-Gvern kellu xi ħsieb jerġa’ jiftaħ din il-miżbla. Iżda, xhur wara qed jerġa’ jirriżulta kif dan mhux il-każ tant li l-Gvern għandu miri ċari dwar ir-riabilitazzjoni ta’ dan l-ispazju.
Bħalma, permezz tal-Wasteserv, għandu wkoll dwar żoni oħra fosthom Wied Fulija fin-Nofsinhar tal-pajjiż.