Dalwaqt jitħabbar il-pjan strateġiku għas-saħħa mentali 2020/2030 – One News

Notifiki

Dalwaqt jitħabbar il-pjan strateġiku għas-saħħa mentali 2020/2030

Fil-jiem li ġejjin mistenni jitħabbar il-Pjan Strateġiku għas-Saħħa Mentali 2020/2030 wara li fost affarijiet oħrajn ġew ikkunsidrati aktar minn 40 sottomissjoni li kien irċieva l-Ministeru għas-Saħħa b’riżultat ta’ konsultazzjoni pubblika li tnediet f’Diċembru tas-sena 2018 u li għalqet fl-aħħar ta’ Frar li għadda.

F’Konferenza tal-Aħbarijiet f’Lulju tas-sena li għaddiet id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien qal li kienet għaddejja ħidma fuq Strateġija Nazzjonali għas-Saħħa għas-Snin 2020/2030 li l-ewwel xogħol tagħha kien se jkun iffukat fuq il-qasam tas-saħħa mentali.

Id-Deputat Prim Ministru kien ħabbar ukoll li dan kien qed isir b’kollaborazzjoni ma’ Barts u mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO). F’dik l-istess konferenza tal-aħbarijiet kien ingħata wkoll tagħrif dettaljat ta’ kif kien miexi x-xogħol strutturali kbir li kien u għadu għaddej fl-Isptar Monte Carmeli fi proġett mifrux fuq medda ta’ ħames snin u li għalih ġew ivvutati €30 miljun.

Fl-istess okkażjoni d-Deputat Prim Ministru kien tkellem ukoll dwar sptar ġdid akut għas-saħħa mentali li se jinbena ħdejn l-Isptar Mater Dei, sptar li huwa maħsub li jkollu madwar 100 sodda u li fih jilqa’ pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali akuti. L-isptar il-ġdid se jinbena ħdejn Mater Dei bil-għan speċifiku li jkun enfasizzat li l-kura tas-saħħa mentali m’għandhiex tkun segregata, imma tkun parti minn kura inklussiva.

Madankollu, xorta se tibqa’ l-ħtieġa għall-isptar preżenti tal-kura mentali anke jekk għal għanijiet differenti minn dawk li qiegħed iservi għalihom illum. Fit-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Pjan Strateġiku għas-Saħħa Mentali 2020/2030 f’Diċembru li għadda d-Deputat Prim Ministru kien iddeskriva l-problema tas-saħħa mentali bħala waħda li tolqot ħafna aktar nies milli forsi hawn min jaħseb. Kien qal li l-problemi tassaħħa mentali jvarjaw fil-gravità tagħhom u jistgħu jwasslu anke għall-mewt, fosthom b’suwiċidju.

Il-medja ta’ suwiċidji f’Malta hija ta’ tnejn kull xahar u għalkemm hija inqas mill-medja Ewropea xorta hija kbira biżżejjed biex tinstiga li ssir ħidma dwarha biex ir-rata tonqos. Mitlub jikkummenta dwar dak li mistenni jitħabbar fil-jiem li ġejjin id-Deputat Prim Ministru qal lil dan il-ġurnal li “kull amministrazzjoni li kellu l-pajjiż ippruvat taħdem fuq il-qasam tas-saħħa mentali u għandna liġi tajba ħafna, iżda ħafna drabi ġara li t-tentattivi li saru kienu sparodiċi.

Ma kienx hemm pjan ħolistiku dwar kif se tkun implimentata l-liġi. Kien ilu jinħass li wasal iż-żmien għal pjan strateġiku, dettaljat u ħolistiku. Irid ikun hemm direzzjoni, pjan, timelines u riżorsi. Huwa abbażi ta’ dan li tħejja l-pjan għall-10 snin li ġejjin, 2020/2030, u li fih il-qasam tas-saħħa mentali qiegħed jingħata prijorità. ’Il quddiem isir l-istess fuq oqsma oħrajn.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend