Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi wera li ma jafx sew kif jaħdem il-Kunsill tal-Ewropa. Dan hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu Azzopardi vvota biex tinfetaħ proċedura ta’ moniteraġġ kontra pajjiżna li tfisser li Malta kienet tkun mgħassa kontinwament u skrutinizzata b’mod assolut mill-Kunsill tal-Ewropa.
Irraportat dan il-gazzetta KullĦadd, li qalet li miżura estrema bħal din kif riedha Azzopardi bħalissa hija miftuħa biss kontra t-Turkija.
Dan kien is-suġġett ta’ battibekk bejn Azzopardi u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici meta r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa issemma’ fil-Parlament fl-aħħar jiem. Azzopardi kien imfakkar li hu spiċċa fil-minoranza għax favur Malta vvutaw il-maġġoranza tal-membri tal-Assemblea tal-Kunsill tal-Ewropa.
Azzopardi qal li l-Ministru Bonnici kellu żball għax hemm għaxar pajjiżi li għandhom din it-tip ta’ proċedura kontra tagħhom.
Iżda li ma ntebaħx Azzopardi kien li minn dawk il-pajjiżi hija biss it-Turkija li għandha din il-proċedura għax il-Kunsill tal-Ewropa.
Il-KullĦadd spjegat li l-pajjiżi l-oħrajn huma kollha membri iktar ġodda tal-Kunsill tal-Ewropa u bħal kull membru ġdid li jissieħeb f’istituzzjoni bħal din jgħaddi minn proċedura ta’ moniteraġġ għall-ewwel darba.
B’hekk, Azzopardi reġa’ ħareġ ta’ bniedem li ma jafx x’qed jgħid.
Fil-ħidma kontra Malta, Jason Azzopardi ssieħeb mal-Olandiż Pieter Omtzigt li kien f’nofs kontroversja meta f’każ tal-ajruplan li waqa’ fl-Ukrajna pprova jagħti l-impressjoni li twaqqa’ mill-Ukrajna.
Eventwalment kellu jammetti li din kienet fake news u saħansitra skuża ruħu.
Il-gazzetta fakkret li din mhix l-ewwel darba tant li kienu bosta drabi fejn inkixef il-qerq ta’ Azzopardi. Saħansitra kien il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li qal li m’għandux ħin x’jaħli miegħu.