ARA: 875 siġra ġdida u €343,000 lejn il-fond ambjentali – One News

Notifiki

ARA: 875 siġra ġdida u €343,000 lejn il-fond ambjentali

875 siġra ġdida se jkunu qed jitħawwlu fiż-żmien li ġej. Dan qed isir bħala kumpens għal dawk is-siġar li se jinqalgħu wara li nħarġu permessi mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi għal xogħlijiet fuq siġar fi Vjal Santa Luċija, Raħal Ġdid u Triq Buqana fir-Rabat.

Fi stqarrija l-Awtorità għall-Ambejnt u r-Riżorsi, l-ERA, qalet li filwaqt li siġar mhux protetti se jiġu mċaqalqa biex issir infrastruttura aħjar fiż-żona msemmija, se jkun qed jingħata kumpens ta’ tliet mija tlieta u erbgħin elf ewro fil-Fond Ambjentali tal-ERA ddedikat għat-tħawwil ta’ aktar siġar.

Ix-xogħlijiet fi Vjal Santa Luċija jinkludu l-qlugħ mil-għeruq ta’ disa’ buglara, tmien siġar taċ-ċipress, żewġ siġar tal-lewż u l-qlugħ mill-għeruq u t-trapjant ta’ ħames siġar ta’ Ġuda, tliet siġar tal-ħarrub u siġra tal-fikus. Bħala kumpens għall-qlugħ ta’ dawn is-siġar, se jkunu qed jitħawlu mija u ħamsin siġra oħra, dan flimkien ma’ kontribuzzjoni ta’ sittin elf ewro għall-Fond Ambjentali tal-ERA li fost oħrajn iħares it-tħawwil ta’ siġar.

Fi żmien xahar mit-tħawwil jridu jiġu ppreżentati l-provi lill-ERA fejn il-manteniment ta’ dawn is-siġar irid jieħu ħsiebu d-detentur tal-permess għal perjodu ta’ 3 snin mit-tħawwil.

Barra minn hekk, il-permess huma suġġett għal garanzija bankarja ta’ €42,000 għall-konformità mal-kundizzjonijiet.

Fi Triq Buqana fir-Rabat il-permess kopra t-trapjant ta’ ħames ġummara, iż-żbier u t-trapjant ta’ siġra tal-fikus, sitt siġar tar-rand, siġra taċ-ċawsli, tmien riħaniet, sittax-il siġra taż-żebbuġ u disa’ brukiet. Dan inkluda wkoll il-qlugħ mill-għeruq ta’ disa’ u tliettin ċipressa, ħdax-il żnuber u disa’ u għoxrin għargħar.

L-ERA spjegat kif l-interventi permessi jistgħu jseħħu biss fis-siti fejn inħareġ il-permess.Bħala kumperns għandhom jitħawlu 725 siġra fejn id-detentur tal-permess irid jikkontribwixxi €283,000 lejn il-Fond tal-Ambjent bħala kumpens.

L-ERA qalet li dan il-permess hu suġġett għall-garanzija bankarja ta’ €204, 750.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend