Michelle Muscat ittemm b'suċċess il-ħames għawma tagħha | One News

Notifiki

Michelle Muscat ittemm b’suċċess il-ħames għawma tagħha

Għal ħames sena konsekuttiva s-Sinjura Michelle Muscat għelbet kull xnieha ta’ dubju u temmet b’suċċess l-għawma anwali tagħha b’risq il-Fondazzjoni Marigold.

Għalkemm fuq l-art kienet ġurnata tipika sajfija, b’xemx taqli l-ankri, fuq il-baħar kienet storja ferm differenti. Dan hekk kif matul il-jum il-forza tal-baħar kienet waħda qawwija b’forza minn ħamsa għal sitta.

Apparti l-kurrent b’saħħtu li kellha taffaċċja, l-edizzjoni ta’ din is-sena bl-isem Tail’s End kienet l-itwal għawma li s-Sinjura Muscat qatt pruvat. Għawma twila erbatax-il kilometru.

Filfatt qabel qabdet triqitha lejn il-punt tat-tluq, is-Sinjura Muscat minkejja l-ottimiżmu tagħha spjegat kif din id-darba l-fortuna ma daħqitilha xejn.

Konxji bl-isfida ferm diffiċli quddiema, kienu ħafna li offrew lis-sinjura Muscat kliem ta’ kuraġġ fi triqitha lejn il-ponta tal-qammiegħ.

Preżenti fuq id-dgħajsa, kien hemm ukoll Soleil it-tifla tas-Sinjura Muscat li tat tgħannieqa kbira l-ommha u sikwit ofritilha kliem ta’ kuraġġ.

Kienu fil-11:35 li s-Sinjura Muscat qabżet sabiex b’hekk immarkat il-bidu għal din l-isfida ferm diffiċli. Tul l-għawma tagħha li ħadet madwar ħames siegħat wieħed seta’ jinnota l-kurrent qawwi tal-baħar b’mewġ għoli madwar metru.

Madankollu xejn ma waqqaf lis-sinjura Muscat u għal ħabta tal-erbgħa neqsin għaxra hija temmet l-għawma tagħha b’suċċess fejn intlaqgħet b’ċapċip minn dawk kollha li segwew l-għawma tagħha, fl-inħawi tal-aħrax tal-Mellieħa.

Fosthom kien hemm ukoll grupp ta’ atleti li ħadu sehem fl-aħħar special olympics.

F’kumment ma’ One News malli telgħet fuq id-dgħajsa, is-Sinjura Muscat esprimiet is-sodisfazzjon tagħha wara li rnexxiela tegħleb din l-isfida.

Il-baħar kien ovjament is-soltu, issa tradizzjoni. Forza 5, 6 illum imma rnexxielna nagħmluha so kuntenta ħafna li din il-ħames għawma għaddiet ukoll.” Stqarret is-Sinjura Muscat.

Preżenti jistennew ħerqana lis-Sinjura Muscat terġa titla’ lura fuq il-patrol boat wara li temmet l-għawma b’suċċess, kien hemm ir-raġel tagħha, l-Prim Ministru Joseph Muscat kburi b’martu li iebsa kemm hi  iebsa l-isfida ma taqta’ qalbha qatt. Etoile u Soleil Muscat, ulied Joseph u Michelle Muscat ukoll esprimew is-sodisfazzjon tagħhom.

Issa li lestiet l-isfida f’moħħ Ms Muscat diġa beda jberren kif għandha li s-sena li ġejja se tagħmel sfida oħra sbaiex tkun tista’ tiġbor aktar flus b’risq il-fondazzjoni marigold.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend