Ħidma biex tingħeleb l-isfida tal-iskart f’San Pawl il-Baħar – One News

Ħidma biex tingħeleb l-isfida tal-iskart f’San Pawl il-Baħar

Inqas minn ħmistax minn meta bdiet il-ħidma tat-tmexxija l-ġdida fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, bdiet tiġi missielta l-isfida tal-iskart li ddominat din il-lokalità għal diversi snin.

F’intervista ma’ ONE News, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima spjega kif minkejja li fl-aħħar gimagħtejn l-lokalità esperjenzat bħall kull sena l-influss ta’ Maltin u turisti għas-sajf, l-ilmenti dwar skart u ħmieġ baqgħu fl-istess livelli ta’ qabel.

“Ħmistax ilu kif ħadna l-kunsill l-influss tal-Maltin li jitilgħu f’San Pawl għas-sajf sploda. Il-livell tal-ilmenti negattivi naqsu u naqsu drastikament. Għad għandna? Għad għandna.” Stqarr Grima.

Madanakollu Grima fisser li dan ma jfissirx li kollox huwa ward u żahar.

Spjega kif fi triq partikolari wara tindifa ġenerali mill-ħaddiema tal-kunsill, mal-ewwel tfattxa iżjed skart mormi bl-addoċċ fit-triq, minkejja li hemm kontenituri apposta għall-iskart fl-istess triq.

Saħaq li din hija sintomu ta’ nies li jiġu jaqgħu u jqumu mill-lokalità u l-ġirien tagħhom u għalhekk jarmu bl-addoċċ mingħajr ma jagħtu kas liem tip ta’ skart għandu jinħareġ.

“B’dispjaċir ngħid li naddafnih u qaxxarnih l-area. Ftit minuti wara li tlaqt minn fuq il-post jiena u sħabi, spiċċaw tefgħu boroż tal-iskart li mhux suppost ħareġ il-bieraħ, aktar u aktar ħdejn skips bin on wheels li baqgħu vojta!” Kompla jgħid is-Sindku.

Grima kompla jgħid kif il-kunsill qed jindirizza din l-isfida minkejja li l-kunsill preċedenti ħalla diversi kuntratti tat-tindif jiskadu. Saħaq ukoll li l-kunsill qed ikollu jinkariga l-ħaddiema tiegħu biex jiffukaw fuq il-problema tal-iskart.

Fisser kif bi ftit għaqal, ħsieb u konsiderazzjoni, dawn l-istess riżorsi tal-kunsill jistgħu jintużaw b’mod aħjar.

“M’għandniex ngħabbu dawn is-sistemi ta’ dan il-pajjiż. Ovvjament biex nirranġaw u ntejjbu is-sitwazzjoni qed joħorġu eluf kbar ta’ liri minn flusna u dawn il-flus nistgħu nutilizzawhom ferm u ferm aħjar.” Saħaq Grima.

Bħala sindku, Grima qal li hemm tim wieħed u maqgħud li huwa kommess li din jegħeleb din l-isfida.

Ikkonkluda, “Inħarsu b’fiduċja li kull wieħed u waħda minna – qegħdin tlettax-il kunsillier – kollha m’għandix dubju li se jkunu hemm flimkien mal-poplu għax għanda bżonn lill-poplu għax din hija pjaga mhux ta’ San Pawl biss imma forsi f’San Pawl tidher ftit ikbar.”

Grima faħħar ħafna l-ħidma li qiegħda ssir anka mid-direttorat għat-tindif, li fost l-oħrajn fl-aħħar ġimgħat ġabar għaxar tunnellati ta’ skart kif ukoll wettaq ħidma ta’ ħasil fit-toroq tal-lokalità.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *