Żewġ atleti żgħażagħ jilqgħu r-riforma tal-MATSEC li se tippromwovi sehem aktar fl-isport – One News

Notifiki

Żewġ atleti żgħażagħ jilqgħu r-riforma tal-MATSEC li se tippromwovi sehem aktar fl-isport

“Jien dejjem emmint li ssib ħin għal dak li trid, u li jekk taħdem jirnexxielek. Iżda ma jfissirx li t-triq hija faċli.”

Kliem Gianluca Chetcuti – atleta żagħżugħ ta’ wieħed u għoxrin sena li tkellem ma’ ONE News fil-ġimgħa meta l-bord tal-MATSEC ħabbar numru ta’ riformi proposti fl-eżamijiet tal-matrikola, li fosthom hemm rikonoxximent għal dawk mogħnija b’talenti f’dixxiplini sportivi, bħal Gianluca.

Biex laħħaq bejn l-Università u l-isport, iż-żagħżugħ sab bosta ostakli u kellu jagħmel diversi sagrifiċċji, iżda jaf li għalkemm hu rnexxielu, hemm min jaqta’ qalbu.

Chetcuti qal li “Żgħażagħ studenti li ħa jkollhom din l-opportunita ħa tkun ta’ benefiċċju ħafna għax ħa jkollhom is-sapport neċessarju tal-MATSEC u assoċjazzjonijiet tal-edukazzjoni biex japprezzaw ix-xogħol u dedikazzjoni li għandhom l-istudenti għall-isport u jkunu jistgħu jtaffu ftit mill-istress tal-istudju imma jlaħħqu mal-attivitajiet rispettivi tal-isport tagħhom.” 

Gianluca temm l-istudji tiegħu fl-Università fl-aħħar xhur, u fl-istess waqt huwa atleta professjonali fl-isparar tal-plattini. Sport li jeħodlu medja ta’ seba’ sigħat taħriġ fil-ġimgħa, flimkien ma’ numru ta’ sigħat oħra għal taħriġ mentali u fiżiku.
Minkejja li tul is-snin sab bilanċ, tilef bosta opportunitajiet marbuta mal-isport li jipprattika b’tant dedikazzjoni.

Spjega kif “Xorta kelli nitlef ħafna kompetizzjonijiet jew training biex inpatti jiġifieri dak żgur kien jgħin biex inżomm il-livell f’ċertu kompetizzjonijiet jew nipparteċipa f’kompetizzjonijiet u kien jgħin biex intejjeb it-taħriġ mentali u fiżiku tiegħi.”

Bħalu taħsibha l-atleta żagħżugħa Yazmin Zammit Stevens, li ma’ ONE News irrikonoxxiet il-progress li sar f’Malta f’dan ir-rigward fl-aħħar snin, b’mod partikolari permezz tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport.

Qalet li “Diġà kellna l-atleti ż-żgħar bin-National Sports School qed jiġu rikonoxxuti u jirnexxielhom jitrainjaw waqt li qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom sal-O-Levels, pero li issa ħa jkunu jistgħu anki wara li joħorġu min-National Sports School ikomplu jikkonċentraw fuq l-edukazzjoni imma wkoll fuq l-isport hija importanti mmens.”

Yazmin tipprattika l-weightlifting fuq bażi full-time fejn tiddedika tmien sigħat kuljum għal dan l-isport. Iżda sa tliet snin ilu kienet tistudja wkoll, u kellha kliem ta’ kuraġġ għal min jaspira li jsir atleta professjonali fl-istess waqt li jkompli bl-istudji tiegħu.

Spjegat li “Huwa diffiċli biex you manage your time bejn iż-żewġ affarijiet però hija possibbli u naħseb jekk taqsam il-ħin tiegħek tajjeb biżżejjed jirnexxielek żgur.”

It-tnejn qalu li fl-iskola, kull sena hija itqal minn ta’ qabel, u kellhom bosta mumenti ta’ qtigħ il-qalb, iżda bi tbissima nnutaw li din l-iskema se tagħti raġġ ta’ dawl lil min ikollu bżonn imbuttatura b’Chetcuti jgħid “Trid tagħmel naqra sagrifiċċju kelli nċedi f’ċerti affarijiet l-istudji, f’affarijiet oħra t-training, imma naf ċert li b’din l-iskema ’il quddiem ħafna żgħażagħ ħa jibbenefikaw minnha.” filwaqt li Yazmin qalet li “Ħa tgħin żgur.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend