Tħabbret il-mewt ta’ Karmenu Buttigieg magħruf bħala l-Fratell, li serva għal snin bħala Deputat Laburista minn Għawdex. Huwa miet kmieni l-Ġimgħa filgħodu fl-Isptar Mater Dei.
Huwa serva pajjiżna bħala deputat mit-13-il distrett bejn is-snin 1976 u 1987.
Fuq Facebook kienu bosta persuni li kienu jafuh mill-qrib li esprimew is-sogħba tagħhom għal din it-telfa u offrew il-kondoljanzi lill-familijari ta’ Karmenu Buttigieg.
Fi stqarrija l-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Buttigieg u qal li Buttigieg kien rappreżentant denju tal- Għawdxin fil-Parlament għal żewġ leġiżlaturi.
L-Għawdxin u dawk midħla fil-Partit Laburista għandhom tifkiriet pożittivi tal-ħidma li wettaq Karmenu Buttigieg b’risq is-soċjetà u l-kawża tal-ħaddiem, temmet tgħid l-istqarrija.
Sellmu wkoll l-memorja ta’ Buttigieg il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u l-Ewroparlamentari Għawdxija Josianne Cutajar.
Intant is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri sellem il-memorja ta’ Buttigieg permezz ta’ messaġġ fuq Facebook.