Il-Bord tal-Malta Enterprise ħatar lil Kurt Farrugia fl-irwol ta’ Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise. Farrugia se jassumi l-kariga l-ġdida mill-1 ta’ Awwissu.
Fi stqarrija, il-Malta Enterprise rringrazzjat lill-Kap Eżekuttiv Mario Galea għall-ħidma tiegħu tul l-aħħar tliet snin.
Iċ-Chairman tal-Malta Enterprise William Wait qal li l-esperjenza li kiseb Farrugia bi snin ta’ ħidma fit-tim tal-Prim Ministru, li ra rekord ta’ tkabbir ekonomiku u rekord ta’ investiment – se jkun qed iservi ta’ għajnuna biex il-Korporazzjoni tibni fuq is-suċċessi li kisbet matul dawn l-aħħar snin u b’hekk tibda fażi ġdida fl-iżvilupp tagħha.
Qal li bil-kariżma u l-enerġija ta’ Farrugia, il-MaltaEnterprise se tiffoka fuq esperjenzi fil-qasam tal-komunikazzjoni li se jkomplu jsaħħu l-Korporazzjoni.
Intant fi tweet Kurt Farrugia, gradwat fil-komunikazzjoni u li bħalissa qed jistudja għall-Masters Degree fil-qasam tal-Intraprenditorja fisser din il-bidla bħala waħda diffiċli u li jħossu onorat li fl-aħħar tnax-il sena ħadem spalla ma’ spalla mal-Prim Ministru Joseph Muscat.
It’s going to be tough not being by your side every day as I did for the past 12 years @JosephMuscat_JM. Humbled to have served #Malta’s best ever PM. Thank you @KeithSchembri for being a great boss. Both my mentors, above all friends. I will keep serving my country selflessly. pic.twitter.com/6wdoywszot
— Kurt Farrugia (@KurtFarrugia) July 12, 2019