Mikel St John. Huwa isem li dawk kollha li jħobbu l-annimali żgur mhux forsi xi darba jew oħra semgħu bih.
Filfatt, proprju lbieraħ, mara rrakkontat fuq il-midja soċjali kif ma tista’ qatt tirringrazzjah biżżejjed għal dak kollu li għamel minn qalbu biex salvalha l-qattusa.
Dan hekk kif matul il-jum, il-qattusa tagħha, għal xi raġuni jew oħra, waqgħet għal isfel minn għoli u spiċċat f’binja abbandunata.
Spjegat kif minkejja li pprovat issib l-għajnuna mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, sfortunatament ma setgħu jagħmlu xejn hekk kif ma kinux jafu min kien is-sid ta’ din il-binja u għalekk ma setgħux jaċċessawha bl-ebda mod.
Kien f’dak il-mument li ħasbet f’Mikel, raġel li l-annimali huma ferm qrib qalbu tant li minkejja li mhux ix-xogħol ewlieni tiegħu, xorta waħda jagħmel minn kollox biex jgħin lill-annimali vulnerabbli u kif ukoll sidien li jaf inqalatilhom xi problema.
Hi sostniet li l-qattusa tagħha kienet qed tinstema’ tibki, u kif spiċċat waqgħet f’żona fejn kienet mimlija xewk. Iżda minkejja dawn l-ostakli kollha, dawn ma waqqfux lil Mikel.
St John spiċċa ntela’ kollu xewk iżda baqa’ sakemm salva lill-qattusa, ħadha lura d-dar u saħansitra ċċekkja li ma weġġgħetx.
Mikel St John huwa l-fundatur ta’ Animal Protectors Malta li permezz tagħha jsalva l-annimali u kif ukoll jappella dwar kwistjonijiet relatati mal-ħarsien tal-annimali.