Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li f’Jananr li għadda l-impjiegi full-time żdiedu b’6.3 fil-mija meta mqabbel ma’ Jannar tas-sena li għaddiet. Dan ifisser li sal-aħħar ta’ Jannar, il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol f’pajjiżna laħqu kważi mitejn u erbatax-il elf ruħ.
Skont iċ-ċifri pprovduti minn l-Aġenzija tax-Xogħol JobsPlus jirriżulta li bejn Jannar tal-2018 u Jannar 2019, l-impjiegi fis-settur privat żdiedu bi 11,652 ruħ.
Iċ-ċifri juru li l-ħaddiema fis-settur privat telgħu għal mija erbgħa u sittin elf, erba’ mija u sitta u tletin ruħ filwaqt li fis-settur pubbliku kien hemm ftit aktar minn 47 elf u sitt mitt ħaddiem.
L-NSO żied jgħid li l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom komplew jiżdiedu wkoll tant li f’dan il-perjodu żdiedu b’xejn anqas minn elf ħames mija u erbgħin ruħ.
L-istatistika turi wkoll li waqt li s-suq tax-xogħol kellu żieda totali ta’ aktar minn 12-il elf u ħames mitt impjieg, fl-istess waqt il-persuni jirreġistraw għax-xogħol naqsu b’mitejn u erbgħa.
Joħroġ ukoll li s-suq tax-xogħol kellu wkoll żieda ta’ ħaddiema rreġistrati b’xogħol part-time.
Mir-rekords amministrattivi joħroġ li bejn Jannar tal-2018 u Jannar li għadda, kien hemm ftit aktar minn 28 elf ruħ li kellhom impjieg full-time u part-time waqt li kważi 35 elf oħra kellhom part-time biss bħala x-xogħol regolari tagħhom.