Skavi arkeoloġiċi f’Tas-Silġ iwasslu għal aktar skoperti – One News

Notifiki

Skavi arkeoloġiċi f’Tas-Silġ iwasslu għal aktar skoperti

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar waqt avveniment f’Tas-Silġ f’Marsaxlokk li saru aktar skoperti bis-saħħa tal-iskavi attwali li għaddejjin bħalissa f’dan is-sit.

“Is-sit ta’ Tas-Silġ f’Marsaxlokk huwa wieħed mill-aktar siti arkeoloġiċi importanti f’Malta, u possibbilment, fil-Mediterran Ċentrali. Fih hemm fdalijiet ta’ aktar minn 4,000 sena ta’ strutturi, li ħafna minnhom kellhom skop reliġjuż u permezz ta’ dawn l-iskoperti qegħdin nitgħallmu aktar dwar l-antenati tagħna u nagħmlu din l-informazzjoni disponibli għall-pubbliku, filwaqt li nkoplu nitfgħu aktar dawl fuq ix-xogħol li jsir fi skavi arkeoloġiċi,” stqarr Owen Bonnici waqt iż-żjara tiegħu.

Fil-fatt, huwa hawn li kien hawn it-tempju famuż ta’ Ashtart li jsemmi Ċiċerun u li nsterqu oġġetti minn Caius Verres minn ġo fih.

Matul iż-żminijiet, kemm il-Missione Archeologica a Malta u d-Dipartiment tal-istudji Klassiċi u l-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta għamlu skavi estensivi f’dan is-sit. Madankollu, mhux kull parti ġiet investigata u s-sit huwa miftuħ għall-pubbliku biss matul open days jew fuq talba speċjali.

Parti minn dan is-sit li taqa’ f’din il-kategorija tissejjaħ ‘ir-razzett’ li bħalissa hemm l-għan li jiġi rrestawrat biex isir ċentru għall-viżitaturi. Dan iċ-ċentru se joffri l-possibbiltà biex il-viżitaturi jingħataw servizz aħjar meta jżuru s-sit. Se jkollu wkoll interpretazzjonijiet diġitali biex isaħħaħ l-esperjenza tal-pubbliku, kif ukoll il-fehim tas-sit.

Minħabba li r-razzett inbena fis-sit arkeoloġiku, kien neċessarju li jiġu mifhuma l-fdalijiet arkeoloġiċi li forsi salvaw taħt l-art ta’ din l-istruttura relattivament moderna. It-tifsira ta’ skav bħal dan iżid fl-importanza tiegħu meta wieħed jiftakar li dan il-post ta’ din l-istruttura jokkupa rokna ta’ dan it-tempju li xi darba kien famuż.

Dawn l-iskavi qegħdin isiru b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-istudji Klassiċi u l-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta, li qed jieħdu vantaġġ minn dan l-iskav biex iħarrġu l-istudenti fi prattiċi arkeoloġiċi. Kollaborazzjonijiet mill-viċin, kemm f’dan l-iskav u kif ukoll f’oħrajn, isiru mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.

L-iskav attwali qiegħed isir fuq 4 ġimgħat, fir-razzett u madwaru. Għalkemm dan l-iskav għadu ma ġiex konkluż, it-tneħħija tal-art tar-razzett kixfet serje ta’ artijiet u saffi ta’ preparazzjoni, li jinkludu l-art ta’ 2,000 sena tat-Tempju ta’ Astarte. Is-saffi marbuta maż-żminijiet ta’ wara ta’ din il-parti qegħdin jiġu skoperti wkoll u huma importanti wkoll, speċjalment biex nifhmu l-iżvilupp ta’ din l-istruttura, wara li t-tempju pagan ġie abbandunat.

Dan il-proġett huwa biss l-ewwel pass fil-pjan għat-tul li Heritage Malta se tkun qiegħda teżegwixxi għal dan is-sit. Dan jinkludi l-finalizzazzjoni ta’ pjan ta’ maniġment u pjan ta’ konservazzjoni.

Dan l-avveniment ġie organizzat minn Heritage Malta b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-istudji Klassiċi u l-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta u permezz tiegħu l-pubbliku ngħata l-opportunità biex josserva l-investigazzjonijiet arkeoloġiċi li attwalment qegħdin iseħħu fis-sit ta’ Tas-Silġ.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend