120 skola tal-Gvern ser ikollhom internet aktar b’saħħtu b’investiment ta’ 5.2M. – One News

Notifiki

120 skola tal-Gvern ser ikollhom internet aktar b’saħħtu b’investiment ta’ 5.2M.

Bi ftehim mal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Melita l-Ministeru għall-Edukazzjoni se joffri teknoloġija avvanzata ta’ internet b’saħħtu lil mija u għoxrin skola tal-Gvern, b’investiment ta’ ftit aktar minn ħames miljun ewro.

“Dan huwa pass importanti biex insaħħu t-tagħlim interattiv li jagħtu l-għalliema lit-tfal tagħna”, saħaq il-Ministru Evarist Bartolo f’konferenza tal-aħbarijiet.

Spjega kif il-konnettività hija importanti kuljum u mhux inqas fil-qasam edukattiv.

“Irridu nippreparaw lit-tfal għad-dinja t’għada li diġà laħqitna llum”, saħaq il-Ministru responsabbli wkoll mis-settur tax-xogħol.

L-iskejjel involuti huma f’livell ta’ kindergarten, primarja, sekondarja u post sekondarja.

L-investiment huwa  fuq medda ta’ ħames snin u l-iskejjel mistennija jibdew jaraw titjib fit-teknoloġija tal-internet fi żmien mhux imbiegħed.

“Wieħed jantiċipa illi mis-sena d-dieħla, għal ħabta ta’ Jannar l-iskejjel se jibdew iħossu dan it-titjib, se ikun hemm titjib fl-infrastruttura biex tkun iktar fast, iktar reliable, iktar aċċessibli sabiex l-għodod li aħna qed nuża fl-iskejjel biex insaħħu t-tagħlim li qed isir fl-iskejjel tagħna jkompli jitjieb kif sar fis-snin preċedenti imma rridu nħarsu ‘l quddiem biex l-eseġenzi tal-lum u t’għada jkunu indirizzati.”

Din it-teknoloġija aktar ta’ min jorbot fuqha tal-internet mistennija taħdem id f’id m’għodda oħra li għandhom it-tfal fl-iskejjel fosthom dawk tal-primarja mir-raba’ sena ‘l fuq fejn permezz tat-tablet ikomplu jiżviluppaw ħiliet tant importanti għal ġejjieni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend