Inawgurat l-ewwel salon ta’ sbuħija fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa – One News

Notifiki

Inawgurat l-ewwel salon ta’ sbuħija fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa

Illum ġie inawgurat salon fid-Dar tal- Anzjani tal-Imtarfa. B’investiment ta’ €14,000 dan huwa l-ewwel tax-xorti tiegħu bl-iskop li tiġi offruta kura ħolistika lill-anzjani. L-anzjani kollha, anke dawk li mhumiex residenti fid-dar tal-Imtarfa u li jirċievu servizz ta’ kura residenzjali mid-Dipartiment tal-Anzjanitá Attiva u l-Kura fil-Komunitá se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz f’għeluq sninhom bi trattament speċjali għall-okkazzjoni. B’kollox 2,500 anzjan jista’ jagħmel użu minn dan is-servizz ġdid li beda jingħata mil-lum. Id-Dipartiment se jipprovdi transport biex iwassal lill-anzjani li joqogħdu fi djar oħra.

Is-servizzi fis-salon se jingħataw minn hairdressers u beauticians kwalifikati li jkunu ddaħlu permezz ta’ sejħa pubblika.

Ix-xogħlijiet fuq dan is-salon bdew f’Marzu u li sar mill-ħaddiema tad-Dipartiment. Filwaqt li t-tmexxija u l-ħaddiema tad-dar għenu sabiex jiffaċilitaw ix-xogħlijiet. Is-Salon għandu stil retro biex l-anzjani li jagħmlu użu minnu jiftakru fl-imgħoddi u jqanqlilhom memorji sbieh. Intant, id-Dipartiment jinkoragixxi biex djar oħra madwar Malta u Ghawdex, ilkoll jibdew joffru wkoll dan is-servizz ta’ sbuħija lill-anzjani.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend