Adrian Delia, għandu bżonn il-ħin, u se jtawwal kemm jista sakemm tiġi l-elezzjoni ġenerali, għax f’dak il-mument ikun tard wisq għall-partit nazzjonalista biex jinbidel il-Kap.
Hekk iddeskriva l-mossa tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, l-opinjonista Ranier Fsadni, li jqabbad lill-eks Ministru Nazzjonalista Louis Galea biex jagħmel riforma politika fil-Partit nazzjonalista.
Fuq The Times of Malta, Ranier Fsadni qal li Adrian Delia mhux kap popolari. Innota li t-tesserati tal-partit nazzjonalista jistgħu jivvotaw biss f’elezzjoni għall-kap wara li jkunu ilhom sentejn imseħbin fil-partit nazzjonalista. Fakkar li wara li Delia ħa tmun tal-partit, kienu bosta li ssieħbu fil-partit, iżda dawn ma jistgħux jivvotaw qabel Settembru li ġej.
Qal li minkejja l-awtonomija li ngħad li se jkollu Louis Galea, l-imħuħ suspettużi fil-partit għarrfu li l-mossa ta’ Delia saret biex jirbaħ iż-żmien u biex tipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel.
Fsadni li huwa qrib ħafna tal-fazzjoni ta’ Busuttil, qal li l-oppożizzjoni għal Delia ġejja mill-fatt li n-nies fil-partit huma konvinti li ma jista’ jirbaħ qatt elezzjoni ġenerali u se jkompli jniżżlu fl-abbissi.
Kiteb li l-Partit Nazzjonalista hemm nuqqas ta’ motivazzjoni u huwa mkisser iżda skontu m’hemmx fazzjonijiet.
Ftit ġimgħat qabel jitlaqqa’ l-kunsill ġenerali, Ranier Fsadni kiteb li kien hemm ħafna kunsilliera li bdew jaħsbu sabiex jivvutaw kontra Adrian Delia, izda issa qed idurilhom.
Saqsa jekk ir-riforma ta’ Galea tfissirx li l-vot fil-kunsill huwa issa prematur. Qal li fil-fehma tiegħu dan mhux, u l-kaos fil-partit mhux inevitabbli.
Qal li l-kunsillieri għandhom jesprimu fiduċja f’Delia biss jekk jemmnu li r-riforma ta’ Galea tkun suċċess u għalhekk Delia ma jibqax piż għall-partit nazzjonalista.
Madnakollu qal li jekk jemmnu li delia se jibqa’ piż kbir anke jekk Galea jagħmel il-mirakli, għalhekk ifisser li assolutament m’għandhomx fiduċja fil-kap u għandhom jistqarru dan.
Sostna li l-kunsill ġenerali jirrappreżenta is-sidien veri tal-partit nazzjonalsita u sostna kif jista’ jkun hemm kaos għalihom biex jasserixxu l-awtorità tagħhom. F’botta ċara lejn il-fazzjoni ta’ delia, qal li l-aġenti tal-kaos huma dawk li jisfidaw il-leġittimità tal-Kunsill Ġenerali.