Żewġt irġiel jinżammu arrestati mixlija li serqu minn żewġ vetturi f'Għawdex | One News

Żewġt irġiel jinżammu arrestati mixlija li serqu minn żewġ vetturi f’Għawdex

Żewġt irġiel, wieħed ta’ 36 sena minn San Pawl il-Baħar u ieħor ta’ 19-il sena min-Nadur, Għawdex inżammu arrestat wara li tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr B. Sultana LLD.

Huma ġew akkużati talli fit-2 ta’ Lulju, 2019 u fit-3 ta’ Lulju, 2019 f’Għawdex, serqu oġġetti minn ġewwa żewġ vetturi u li għamlu ħsara fuq ħwejjeġ ta’ ħaddieħor.

Ir-raġel ta’ 19-il sena ġie akkużat ukoll li kkommetta reat waqt il-perjodu operattiv ta’ probation impost fuqu mill-Qorti.

Ir-raġel ta’ 36 sena ġie akkużat ukoll talli fil-25 ta’ Ġunju, seraq minn ġewwa vettura oħra, u kif ukoll li huwa reċediv, fost oħrajn.

L-akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom u baqgħu jinżammu taħt arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend