Programm ta’ xogħol fil-qasam tat-teknoloġija għal kważi 400 student – One News

Notifiki

Programm ta’ xogħol fil-qasam tat-teknoloġija għal kważi 400 student

380 student qed igawdu minn esperjenza ta’ xogħol ma’ għadd ta’ entitajiet u għaqdiet mhux governattiv bħala parti minn program imħaddem mill-MITA immirat għall-istudenti.

Dalgħodu fiċ-Ċentru għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-Esplora s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni ltaqa’ mal-istudenti fejn qalilhom li din hija esperjenza li se tiswiehom għall-futur.

Dan il-programm li qed irawwem iktar żgħażagħ fil-qasam tat-teknoloġija qed isir b’investiment ta’ 800,000 ewro.

Filfatt l-istudenti, ħafna minnhom qed jistudjaw kors universitarju marbut max-xjenza jew fl-MCAST jirċievu paga għax-xogħol li jagħmlu.

L-Onor. Schembri tkellem fuq il-ħtieġa li jkollna aktar żgħażagħ li jiżviluppaw ħiliet fil-qasam tat-teknoloġija.

Qal li fl-ewwel ġimgħa t’Ottubru se jkun hemm ġimgħa sħiħa ddedikata għat-teknoloġija fejn stieden lil dawn iż-żgħażagħ biex jattendu.

“Din il-ġimgħa ddedikata għat-teknoloġija se tmur id f’id mad-Delta Summit li r-rebbieħa tal-workshops li għandkom illum se jgawdu minn dħul b’xejn għal dan is-summit importanti”, qal Silvio Schembri lill-istudenti.

Manuel Darmanin, uffiċjal tal-MITA qal li f’dawn l-aħħar ħames snin f’dan il-programm ġew investiti żewġ miljun u nofs ewro.

Saħaq li kull min applika u aċċetta biex jissieħeb f’dan il-programm ta’ xogħol ingħata impjieg u b’hekk iż-żgħażagħ qed jingħataw esperjenza utli matul is-sajf.

Filfatt l-ewwel ġurnata ta’ dan il-programm bdiet billi iż-żgħażagħ inqasmu f’workshops u setgħu jsiru aktar midħla ta’ oqsma teknoloġiċi differenti.

L-istudenti dehru ħerqana biex jitgħallmu u jieħdu l-massimu ta’ din l-esperjenza li se tkompli tippreparahom għad-dinja tax-xogħol f’qasam li kull ma jmur qed jikber f’pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend