Niżvelaw ittra b'akkużi gravi lejn it-tmexxija tal-PN: il-vot li se jittieħed fil-Kunsill Ġenerali mhux se jkun ġust | One News

Niżvelaw ittra b’akkużi gravi lejn it-tmexxija tal-PN: il-vot li se jittieħed fil-Kunsill Ġenerali mhux se jkun ġust

One News jista’ jiżvela ittra li ntbagħtet fl-aħħar ħin lit-tmexxija tal-Parit Nazzjonalista min-nies wara l-petizzjoni biex tiddiskuti l-futur tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Fl-ittra tagħhom huma qegħdin jilmentaw li l-vot li se jittieħed fit-tmexxija ta’ Delia mhux se jkun ġust.

L-ittra intbagħtet, fost oħrajn mill-ex kandidat tal-Partit Nazzjonalista Ivan Bartolo u l-ex President tal-Eżekuttiv Mark Anthony Sammut.

Huma qegħdin isostnu matul laqgħa li saret bieraħ irriżulta li minkejja l-wegħda li l-Kunsill Ġenerali se jintalba jivvota fuq il-mistoqsija li saret fit-talba oriġinali tal-kunsilliera nhar il-25 ta’ Ġunju 2019, jiġifieri dik li titlob jekk hemmx qbil li Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista għandu jassumi responsabbiltà politika fid-dawl tar-riżultati tal-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda u jirriżenja, qed tinbidel kompletament, u dan minkejja insistenza tal-istess Adrian Delia waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li għaddiet.

“Huwa inaċċetabbli li l-Kumitat Eżekuttiv jiġi żgwidat b’dan il-mod u dan kollu jkompli jsaħħaħ u jikkonferma t-tħassib tagħna dwar kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed jitmexxa”, qalu n-nies mill-fazzjoni ta’ Busuttil.

Min barra din il-kwistjoni, qalu li huwa inkwetanti l-fatt ukoll li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Clyde Puli qiegħed jinsisti li kull forma ta’ komunikazzjoni mal-Kunsilliera trid issir biss mill-Kummissjoni Elettorali jew tramite l-Partit, u li dawk li ressqu t-talba għall-Kunsill Ġenerali m’għandhomx aċċess biex ikunu jafu min huma l-Kunsilliera li jridu jikkomunikaw magħhom biex jispjegaw il-pożizzjoni tagħhom.

Żiedu jgħidu wkoll li l-lista ta’ Kunsilliera li ser ikunu eliġibbli biex jivvutaw fis-27 ta’ Lulju, se tkun iffriżata mid-data li Adrian Delia sejjaħ il-Kunsill Ġenerali, jiġifieri fl-4 ta’ Lulju 2019, u mhux mid-data li ġet sottomessa t-talba orġinali, jiġifieri fil-25 ta’ Ġunju 2019.

“Ninsabu infurmati li fil-perjodu ta’ bejn dawn iż-żewġ dati saru diversi manuvri interni b’istruzzjonijiet lill-Kumitati Sezzjonali biex jinbidlu nies li ser ikollhom dritt għall-vot fil-Kunsill Ġenerali, qalu Bartolo.

“Għal dawn ir-raġunijiet, huwa ċar li dan il-vot mhux ser ikun wieħed ġust kif kien mistenni, u mhux ibbażat fuq il-wegħdiet ta’ trasparenza u onestà. Dan kollu huwa inaċċettabli u jmur kontra l-prinċipji fundamentali li suppost iħaddan il-Partit Nazzjonalista,” qalu Bartolo u Sammut.

Waqt li talbu li ittieħed azzjoni, sejħu għal-laqgħa tal-Eżekuttiv b’urġenza dwar dawn id-diverġenzi, sabiex fi kliemhom ma jkomplix jintilef izjed ħin biex “verament naraw li l-Partit, li huwa ta’ kulħadd u mhux biss ta’ erba’ minn nies, jimxi ‘l quddiem b’mod ġenwin.”

Ittra lill-President tal-Eżekuttiv - 2
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend