Ċertifikat ieħor b’saħħtu għall-ekonomija Maltija, hekk kif il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-ekonomija ta’ Malta se tirreġistra l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea matul din is-sena u s-sena d-dieħla.
Fit-tbassir ekonomiku tagħha għas-sajf, il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li l-ekonomija se tikber b’5.3 fil-mija meta mqabbel mal-medja fiż-Żona Ewro ta’ 1.2 fil-mija.
It-tbassir għal malta huwa kważi erba’ darbiet il-medja Ewropea u jikkuntrasta sew mal-ekonomija Taljana li hija l-inqas li se tikber dis-sena b’0.1 fil-mija.
Il-Kummissjoni Ewropea żiedet tgħid li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta matul is-sena d-dieħla mistenni jkun ta’ 4.8 fil-mija, wieħed fil-mija aktar minn dik imbassra għall-pajjiżi bit-tieni l-ogħla tkabbir.
Fir-rapport ekonomiku tagħha dwar Malta, il-Kummissjoni Ewropa tosserva li l-ekonomija Maltija kibret b’6.7% fl-2018. Qalet li dan kien il-ħames tkabbir ekonomiku konsekuttiv fejn it-tkabbir ekonomiku reali kien ta’ aktar minn 5%. Sostnew li dan huwa riflessjoni tat-tkabbir qawwi li seħħ fost diversi kumpaniji tas-servizzi f’Malta.
L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea jinnotaw ukoll li ż-żieda qawwija fis-suq tax-xogħol żiedet id-dħul għall-familji. Fattur li wassal għal rekord fil-konsum privat.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li fl-ewwel tliet xhur tas-sena, id-domanda domestika kienet sostnuta min-nefqa pubblika u l-investiment waqt li kompla jiżdied il-konsum privat.
Il-Kummissjoni Ewropea żiedet tgħid li l-fiduċja tal-konsumaturi f’Malta baqgħet f’livelli storiċi. (RAPPORT)
Minkejja li l-andament ekonomiku internazzjonali sejjer għall-agħar u li mistenni jagħti daqqa lill-esportazzjoni ta’ kumpaniji Maltin, l-esperti tal-kummissjoni jsostnu li t-tkabbir mistenni jibqa’ wieħed b’saħħtu. Dan għax l-investiment mistenni jibqa’ b’saħħtu u sostnut minn proġetti ta’ infrastruttura.
Dwar il-qagħda finanzjarja tal-Gvern, il-Kummissjoni tindika li ż-żieda fin-nefqa pubblika qed isseħħ għax il-Gvern qed jonfoq mis-surplus li qed jakkumula u mhux jiddejjen aktar biex jonfoq aktar.
B’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Gvern qal li huwa impenjat li jkompli jinvesti bis-sħiħ fl-akbar programm ta’ spiża kapitali fl-istorja ta’ Malta biex l-infrastruttura tkompli tissaħħ u tkun tista’ ssostni aħjar is-settur privat. Qal li b’hekk it-tkabbir rekord li kiseb pajjiżna fis-snin li għaddew ikompli wkoll fis-snin li ġejjin.