Louis Galea, li l-Partit Nazzjonalista ħatru biex jgħid x’għandhom ikunu r-riformi għall-ġejjieni, ma tax risposta ċara dwar x’kien jagħmel li kieku jitlef vot ta’ fiduċja fil-Kunsill Ġenerali. Għalkemm ta x’jinftiehem li mhux bilfors jirriżenja. Hu qal dan meta intervista f’Times Talk ftit tal-jiem qabel vot simili se jkun qed jiffaċjah il-Kap preżenti Adrian Delia.
Galea qal li l-vot jagħtih l-ikbar kunsiderazzjoni, iżda qabel xejn kien jara l-interess nazzjonali u tal-partit. Skont hu hemm ċirkostanzi fejn vot ta’ sfiduċja mhux bilfors għandu jwassal għal riżenja mmedjata. Mistoqsi għal darb oħra x’jagħmel hu jekk jitlef vot bħal dak li se jiffaċja Delia, Galea qal li ma jweġibx mistoqsijiet ipotetiċi.
Fl-istess ħin Galea tenna li fl-istat li jinsab fih il-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, ma jistax isiru Prim Ministru. Qal li tant hemm nuqqas ta’ fiduċja u serenità li hemm problema kbira li ssir diskussjoni li twassal għall-konklużjonijiet loġiċi.