Id-domanda għal provvista tal-elettriku fil-jum tal-bieraħ laħqet il-510MW, li hija l-ogħla rata qatt reġistrata f’Malta.
one.com.mt jinsab informat li din hija żieda ta’ ftit anqas minn 5% mill-ogħla rata li kienet ġiet reġistrata qabel, jiġifieri dik ta’ 488MW f’Awwissu tal-2017.
Fl-istess waqt, fl-ewwel jiem ta’ Lulju, id-domanda għall-provvista talelettriku kienet ta’ 15% aktar mid-domanda li ġiet reġistrata fl-aħħar sentejn fl-istess perjodu.
Fl-aħħar jumejn, xi klijenti ta’ Enemalta esperjenzaw qtugħ tal-provvista tal-elettriku f’diversi lokalitajiet kaġun taż-żieda qawwija fl-imsemmija provvista minħabba temperaturi għoljin ferm aktar mill-medja li laqtu lill-Gżejjer Maltin flaħħar jiem.
L-Enemalta qalet li dawn il-ħsarat, li kienu lokalizzati, ma kinux relatati ma’ xulxin. Qalet li bis-saħħ tal-investiment li għamlet Enemalta fis-sistemi ta’ awtomazzjoni tas-substations tagħha fl-aħħar snin, ħafna minn dawn l-interruzzjonijiet ġew solvuti fi żmien relattivament qasir.
Fil-fatt, il-provvista tal-elettriku ġiet lura għan-normal wara għaxar minuti fit-80% tal-każi. Fl-ebda ħin waqt dawn il-ħsarat, ma kien hemm xi diffikultà fis-sistemi ta’ ġenerazzjoni.
Irrimarkat li dawn il-faċilitajiet kienu disponibbli l-ħin kollu bla ebda interruzzjoni. Filwaqt li Enemalta skużat ruħha għal kull inkonvenjent, qalet li se tissokta bl-investiment tagħha fis-sistemi ta’ distribuzzjoni biex tkompli ssaħħaħ il-kwalità tas-servizz offrut lill-klijenti tagħha.
Qalet li kif għamlet fl-aħħar jiem, l-Enemalta se jkollha timijiet akbar ta’ emerġenza għal dak kollu li jista’ jinqala’ sakemm ikompli jippersisti temp anomalu li esperjenzajna fl-aħħar jiem.
Hija żiedet tgħid li qed iżżomm il-paġna ta’ Facebook aġġornata bl-aħħar informazzjoni, bi klijenti li jesperjenzaw xi diffikultajiet għandhom jagħmlu kuntatt magħħa fuq il-freephone number 8007 2224.