Iċ-ċkejkna ta' 3 snin li trid tibdel il-qasam tal-moda f'Malta | One News

Notifiki

Iċ-ċkejkna ta’ 3 snin li trid tibdel il-qasam tal-moda f’Malta

“L-ewwel darba li ħadtha quddiem kamera, stagħġibt dwar kemm kienet naturali, assertiva u kunfidenti”. Kliem Michelle Rausi, omm Francesca, iċ-ċkejkna ta’ 3 snin li fl-aħħar jiem serqet il-qlub ta’ bosta Maltin meta rawha timmudella b’kunfidenza kbira f’kompetizzjoni tal-immudellar.

Francesca għandha l-kundizzjoni tad-Down Syndrome, iżda ssaħħrek bil-kariżma u l-kunfidenza tagħha. Karatteristika li ommha għarfet fiha sa minn ċkunitha.

“Niftakar mill-ewwel photo shoot irrealizzajt għax kif rat kamera tant kienet komda li kienet ta’ barra minn hawn. Issa la jien u lanqas ir-raġel ma nħobbu l-kamera imma rajt li kienet xi ħaġa li tħobb u xi ħaġa li qiegħda fiha”, spjegat Michelle.

L-unur li ngħata liċ-ċkejkna huwa xhieda li s-soċjetà Maltija qed tagħraf aktar l-importanza tal-inklussività, iżda turi wkoll li l-qasam tal-moda u l-isbuħija qed jagħraf ukoll il-ħtieġa li jiftaħ il-bibien għal kulħadd, inkluż persuni b’diżabilità.

“Din kienet ħolma għax dan is-settur ilu li nbidel barra minn Malta. Hemm mudelli bid-Down Syndrome li huma top models. Din kienet ħolma tiegħi li nwassal li Malta jiġri hekk ukoll”, qaltilna Michelle, li żiedet tispjega wkoll li saret taf li bintha għandha l-kundizzjoni tad-Down Syndrome malli ħaddnitha magħha għall-ewwel darba. Qalet li għalkemm inħasdet u ħassitha xi ftit iddispjaċuta, illum ma tibdel xejn mill-esperjenza tagħha bħala omm.

Michelle qalet li “maż-żmien dak kollu telaq u tibda tarahom bħala tfal u mhux tfal bid-Down Syndrome.  Il-ferħ li jagħtuk huma ma jagħtihulek ħadd aktar.” Tant hu hekk, li kuntrarju għal dak li jaħsbu bosta, ħajjet il-familja tal-mudella ċkejkna mhi xejn differenti minn ta’ ħaddieħor.

Fi kliem Michelle, il-kundizzjoni ta’ bintha ma titfa’ ebda toqol li l-familja ma tistax iġġorr. “Hi tmur l-iskola u tiġi, tagħmel l-attivitajiet tagħha bħal tfal oħra kollha. M’għandna xejn differenti li kieku nrabbu lilha bid-Down Syndrome u kieku m’għandhiex. Importanti tħares lejhom bħala tfal”.

Bħal kull omm, Michelle toħlom li bintha tgħix ħajja twila, kuntenta, u indipendenti. Iżda, iċ-ċkejkna, xi trid?..

“Żgur xi ħaġa li tidher, xi ħaġa li tagħtiha l-attenzjoni. Jien biex lilha naraha timxi f’din il-linja”, temmet tgħid omma iċ-ċkejkna bi tbissima ta’ kburija fuq fommha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend