Approvat il-proġett biex l-ex sptar militari fl-Imtarfa jinbidel għal skola internazzjonali | One News

Notifiki

Approvat il-proġett biex l-ex sptar militari fl-Imtarfa jinbidel għal skola internazzjonali

Il-kumitat tal-kontijiet dwar l-uffiċċju nazzjonali tal-verifika approva unaniment proposta imressqa mill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo biex l-ex sptar militari u ex skola sekondarja fl-Imtarfa tgħaddi għand Haileybury Malta Limited biex isservi bħala skola internazzjonali b’kurrikulu internazzjonali u/jew Ewropew.

Is-Sur Bartolo qal li din l-iskola internazzjoni hemm bżonna minħabba ħaddiema barranin li m’għandhom fejn jibgħatu lill-uliedhom jieħdu edukazzjoni internazzjonali. Huwa qal li Haileybury għandha esperjenza twila fil-qasam tal-edukazzjoni primarja u sekondarja. Lesta wkoll biex fil-ġejjieni tiftaħ kemm kindergarten kif ukoll sixth form.

Il-proprjetà se tingħata b’ċens temporanju għal 40 sena li għaliha l-kumpanija se tħallas €50,000 fis-sena li jitla’ għal €225,000 u dan jiżdied bi 8% kull ħames snin.

Is-Segretarju Permanenti fil-ministeru għall-Edukazzjoni, Dr Frank Fabri qal li l-kumpanija se tagħmel investiment kapitali ta’ €12.4 miljun biex tirrabilita l-proprjetà ġġibha tajba għal skola ta’ livell internazzjonali. Se jirrestawraw il-bini u jsebbħu l-ispazji miftuħa.

Minn meta tibda x-xogħol wara l-permess iridu jgħaddu sena u nofs u se tiftah fl-2021. Tista’ tieħu 580 student fi klassijiet primarji u sekondarji.

Haileybury intrabtu wkoll li sakemm il-gvern isibilhom post alternattiv, iħallu lill-Imtarfa Drama School u lill-club tal-footbal jibqgħu jużaw il-faċiliatjiet li għandhom fil-proprjetà.

Aktar qabel l-Oppożizzjoni oġġezzjonat għal tibdil riżoluzzjoni dwar Modifika u Terminazzjoni ta’ Kundizzjonijiet Kuntrattwali ma’ Fortel Services Ltd., u Fortina Developments Ltd. Din ir-riżulzzjoni issa tgħaddi għas-seduta plenarja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend