Pajjiżi favur li Malta jkollha siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà – One News

Pajjiżi favur li Malta jkollha siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela ħabbar li numru ta’ pajjiżi diga’ kkommettew ruħhom li ser jivvutaw favur li Malta tikseb siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda.

Meta wieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici, il-Ministru Abela qal li l-proċess miexi u qed isir ħafna xogħol mill-Unit maħtura apposta fi ħdan il-Ministeru.

F’dawn l-aħħar xhur tkompla l-proċess intern li minnu qed jiġu identifikati x’riżorsi, umani u oħrajn, għandu bżonn il-Ministeru kemm f’Malta u kemm barra. Dan il-proċess mhux biss qiegħed iħares lejn l-istrutturi interni eżistenti, iżda ukoll lejn fejn jista’ jkun hemm bżonn xi titjib u/jew strutturi ġodda marbuta mal-kandidatura.

Fl-aħħar xhur, il-Unit fi ħdan il-Ministeru għamlet erba’ żjarat tekniċi f’pajjiżi li jew qiegħdin iservu fil-preżent jew li servew riċentement fil-Kunsill tas-Sigurtà.

Il-Ministru qal li minn dawn iż-żjarat ħarġu diversi punti importanti ta’ kif għandhom jippreparaw kemm għall-kampanja kif ukoll għal waqt it-terminu tagħna wara li Malta tiġi eletta. “Ikkonfermajna ukoll li l-preparamenti tagħna f’dan l-istadju qed isiru b’mod tajjeb,” qal Abela.

Qed jinħoloq ukoll software għall-użu intern mill-Ministeru għal monitoraġġ ta’ kif sejra l-kandidatura. Dan is-software mistenni jiġi online iktar tard din is-sena, u bih sejra tingħata spinta ’l quddiem ta’ kif tiġi pproċessata l-informazzjoni relatata ma’ din il-kandidatura.

Il-Ministru qal li qed jiġi mfassal ukoll pjan intern ta’ outreach sabiex jintlaħqu n-numru massimu possibbli ta’ pajjiżi għal skop ta’ lobbying. Dan il-pjan intern ser ikun qed jipproponi metodi li bihom nilħqu kemm nistgħu mill-pajjiżi membri tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Proċess ieħor intern li għaddej huwa li qed jiġu identifikati numru ta’ temi li fuqhom Malta ser tkun qed tibbaża l-kampanja tagħha. Dan mistenni jkompli fix-xhur li ġejjin. Separatament, fil-futur qarib sejjer jiġi identifikat il-logo u s-slogan li ser tuża Malta waqt il-kampanja tagħha.

“Minkejja li l-kampanja formali ta’ Malta għadha ma bdietx, dan ma jfissirx illi mhumiex qed isiru sforzi diga’ minn issa sabiex niksbu l-għola numru ta’ voti possibbli.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend