Il-Qorti teħles mill-akkużi ż-żewġ każini tal-banda Ħamruniżi | One News

Notifiki

Il-Qorti teħles mill-akkużi ż-żewġ każini tal-banda Ħamruniżi

F’sentenza mogħtija mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo llum, iż-żewġ Baned Ħamruniżi; l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu u s-Soċjetà Mużikali San Ġużepp, inħelsu li wettqu xi reat b’rabta ma’ ħruq tan-nar fil-festa ta’ San Gejtanu ta’ tliet snin ilu, f’Awwissu 2016.

Il-każ imur lura ftit xhur wara l-festa ta’ San Gejtanu 2016 meta s-Supretendent Carmelo Bartolo ressaq liż-żewġ Segretarji tal-Għaqdiet Mużikali Ħamruniżi, Nigel Vella u Lawrence Portelli rispettivament u akkużahom li huma t-tnejn f’isem l-Għaqdiet li jirrappreżentaw ħarqu nar bla permess u wara l-ħinijiet permessibli mil-liġi.

Minkejja dan, fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti rrimarkat kif iż-żewġ Segretarji mxew mal-prassi mħaddma u maqbula mal-Pulizija stess li n-nar li jinħaraq fil-jiem tal-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt tal-festa ta’ San Gejtanu, jinħaraq sabiex jingħata sinjal li l-marċi jkunu ntemmu lill-partitarji u mhux għal xi spetakklu. Dan sabiex fi kliem il-Qorti stess ikun hemm imħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħafna nies li jattendu l-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun.

Il-Qorti qalet li ż-żewġ Segetarji mxew mal-prassi tas-soltu u dan in-nar qed jinħaraq bħala sinjal.

Għaldaqstant, il-Qorti ħelset lil Nigel Vella f’isem l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu u Lawrence Portelli f’isem is-Soċjetà Mużikali San Ġużepp minn kull akkuża.

L-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu kienet assititha mill-Avukati Robert Abela u Ishmael Psaila filwaqt li Malcom Mifsud deher f’isem is-Soċjetà Mużikali San Ġużepp.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend