ARA: Omm fil-periklu tal-mewt u bintha ta’ tliet snin tindarab gravi fiż-Żejtun – One News

Notifiki

ARA: Omm fil-periklu tal-mewt u bintha ta’ tliet snin tindarab gravi fiż-Żejtun

Mara Polakka ta’ 37 sena qed issofri minn ġrieħi serji u tifla ta’ tliet snin qed issofri minn ġrieħi gravi wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq il-President Anton Buttiġieġ, iż-Żejtun. L-inċident seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija. 

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari illi sar, irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn vettura tat-tip Toyota Hilux misjuqa minn raġel ta’ 22 sena minn Marsaskala u vettura tat-tip Toyota Aygo misjuqa minn raġel Polakk ta’ 36 sena.

Passiġieri fit-Toyota Aygo kien hemm ukoll il-mara ta’ 37 sena, tifla ta’ 10 snin u it-tifla ta’ 3 snin, kollha mill-Polonja.

Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll ambulanza li ħadet lil mara u t-tifla ta’ 3 snin l-isptar Mater Dei għall-aktar assistenza medika. Aktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji filwaqt li t-tifla ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.

Is-sewwieqa u t-tifla ta’ 10 snin ma sofrew l-ebda ġrieħi.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr R. Montebello LL.D fejn ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta. L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend