Tifel ta’ ħames snin qiegħed jissielet għall-ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei wara li l-Ħadd filgħaxia kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Mosta.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.10 p.m fi Triq Ta’ Żejfa, meta seħħet ħabta bejn vettura tat-għamla Toyota Rav 4 misjuqa minn raġel ta’ 33 sena, minn Ħaż-Żebbuġ u karozza tat-għamla Toyota Yaris misjuqa minn mara ta’ 31 sena mill-Mosta.
Fir-Rav 4 kien hemm ukoll mara ta’ 34 sena minn Ħaż-Żebbuġ u bintha ta’ 4 xhur. Filwaqt li fil-Yaris kien hemm ukoll tifel ta’ 5 snin u tifla ta’ sena.
Fuq il-post ġiet imsejħa ambulanza fejn l-ommijiet ta’ 34 sena u dik ta’ 31 sena flimkien mat-tliet uliedhom ittieħdu l-isptar Mater Dei għall-aktar assistenza medika.
Aktar tard, iż-żewġ ommijiet kif ukoll it-tifla ta’ 4 xhur ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ħfif filwaqt li t-tifel ta’ 5 snin ġie iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji. Il-kundizzjoni tat-tifla ta’ sena għadha mhix magħrufa’.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Y. Micallef Stafrace fejn ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.