Minkejja li għad għandha biss ħmistax-il sena, Kylie Camilleri minn Burmarrad qiegħda tikseb suċċessi fil-qasam tal-motorsport.
Ma’ ONE News, Kylie spjegat li twieldet f’familja ta’ dilettanti tal-isport ta’ erba’ roti u li tħajret tirkeb f’go-kart minħabba kuġinuha.
“Il-motorsport twelidna fih bħala familja, dejjem konna dilettanti tiegħu. Meta kellu erba’ snin il-kuġin iż-żgħir beda jittrainja u tħajjart minnu.”
Dak kien sentejn ilu, u Kylie qaltilna li minn dak iż-żmien kisbet diversi suċċessi.
Fost l-oħrajn ħadet sehem fil-kampjonat CIK FIA karting accademy, fejn kienet l-unika Maltija fost 51 sewwieq minn madwar id-dinja, filwaqt li fl-aħħar jiem rebħet kampjonat fi Sqallija.
“Kont l-unika tifla li qatt mort. Konna 51 drivers mid-dinja kollha u 3 biss nisa. Ovvjament insuq ġo Sqallija u dis-sena ħdimt u rnexxieli nasal biex nirbaħ il-kampjonat hemmhekk.”
Għal Kylie, li rebħet tliet tiġrijiet matul il-kampjonat li għada kemm rebħet, l-emozzjoni li tħoss x’ħin tkun qed issuq hija waħda indeskrivibbli.
“Hija xi ħaġa li qas tista tiddiskrivija bil-kliem. Tinsa kollox, tkun int u l-kart biss.”
Wara diversi suċċessi, Kylie qed tħares lejn il-pass li jmiss.
“Jien nixtieq li nkompli bil-karting u nagħmel suċċess anka f’kategoriji oħra.”
Kylie qalet ukoll li għandha ambizzjonijiet ċarissmi. Trid li tkun l-ewwel sewwieqa Maltija f’kampjonat dinji tal-ogħla livell tal-motorsport.
“Dejjem inħarsu iktar ‘il quddiem mill-karting bħal F1, F2, F3, FE u F4 u hekk.”
Għal dawk li jaspiraw li jħarsu lejn il-go-karts u l-motorsport bħala xi ħaġa li jridu jagħmlu, Kylie għandha messaġġ wieħed.
“Ma jaqtgħu qalbhom qatt. Dejjem irridu nibdew minn x’imkien u halliha jekk ma nibdewx nirbħu mill-ewwel. Fl-aħħar mill-aħħar jekk inkunu determinati li nagħmlu suċċess ħa naslu jekk ħa naħdmu għalih.”
Matul l-esperjenza tagħha fil-go-karts, Kylie diġà kellha ċ-ċans li tiltaqa’ ma’ żewġ sewwieqa famużi tal-Ferrari – l-eks-sewwieq Felipe Massa u s-sewwieq preżenti Charles Leclerc.