Il-Membru tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola, irtirat isimha minn tellieqa fi ħdan il-grupp tal-Partit Popolari Ewropew biex tkun Viċi President tal-Grupp Popolari Ewropew, il-PPE.
Jirriżulta li Roberta Metsola rtirat isimha minħabba l-biża’ li ma tiġix eletta u għalhekk tkun diżappuntanta f’mument fejn kienet qed tesplora anke x’passi ġodda tista’ tagħmel għall-Partit Nazzjonalista.
Metsola kienet imħajra għall-post ta’ wieħed minn għaxar Viċi Presidenti tal-popolari ewropej.
Il-President hu Manfred Weber, ħabib ħafna tal-Partit Nazzjonalista, li kien imbuttat mingħajr suċċess biex isir President tal-Kummissjoni Ewropea.
Żvelaw dan mal-gazzetta Kullħadd imkejjen fil-Partit Nazzjonalista li kkonfermaw x’ġara wkoll b’referenza għall-kitba fil-ġurnal awtorevoli Politico.
Fil-fatt, meta ftit tal-ġimgħat ilu saret din l-elezzjoni Roberta Metsola kienet diġà fuq il-lista tal-kandidati iżda mbagħad ma baqgħetx u rtirat isimha bil-Politico jirrapporta li “Malta’s Roberta Metsola, who was a candidate in the morning, dissapeared of the list.”
Metsola qatgħet qalbha anke jekk għal għaxar karigi kien hemm biss tnax-il kandidat u li mid-dehra kien hemm xi sforz fil-partit popolari ewropew biex joħorġu iktar nisa.
Jirriżulta li kien hemm diversi fatturi għaliex Metsola rtirat u beżgħet li ma tkunx magħżula, mhux l-inqas għax id-delegazzjoni żgħira tal-Partit Nazzjonalista kompliet tiċkien wara li fl-aħħar elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista naqas milli jġib it-tielet siġġu. Dan wara rebħa storika għall-Partit Laburista.
Għal mument, qalu l-imkejjen tal-kullħadd , deher li Roberta Metsola bdiet tagħti l-impressjoni li kienet se tkun eletta f’xi kariga oħra. Iżda, dan ma seħħx meta issa ħafna mill-formazzjoni fil-gruppi fil-Parlament Ewropew hija lesta.