Tul il-lejl li għadda, nirien ħakmu partijiet minn Manoel Island.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima sostnew li esperti mid-Direttorat tal-Inforzar tal-ERA kif ukoll uffiċjali minn Ambjent Malta marru fuq il-post fejn innotaw il-preżenza ta’ siġar bħall-akaċja li xxawtu bin-nirien, flimkien ma’ xi veġetazzjoni annwali niexfa li ma tiklassifikax taħt il-kappa ta’ siġar protetti. Din it-tip ta’ veġetazzjoni hija staġjonali li tikber bix-xitwa u tinxef fis-sajf. Jirriżulta li n-nirien ma kkaġunawx danni kbar lill-veġetazzjoni tal-post.
Fl-istqarrija ntqal li n-nar qabad fi tliet zoni separati f’Manoel Island, mifruxa fuq tliet tomniet ta’ art. Għalkemm jidher li kien imdaqqas, ma kkaġuna ebda ħsara konsidervoli lill-bijodiversità tas-sit.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jinsabu fuq il-post sabiex ikomplu jitfu n-nirien.
Ritratti: MESDC