Il-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella se jkunu qed iżuru l-pazjenti Maltin li qed jingħataw kura f’Londra.
Huma se jħallu Malta llum il-Ħadd għal żjara ta’ 4 t’ijiem li matulha se jiltaqgħu mal-pazjenti li qed jiġu rikoverati bħalissa f’diversi sptarjiet f’Londra.
Matul iż-żjara, il-President u s-Sinjura Vella se jkunu qed jiltaqgħu wkoll mal-qraba tal-pazjenti li bħalissa qed jibbenefikaw ukoll mill-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF), filwaqt li se jżuru l-appartamenti ta’ Puttinu Cares u s-Sorijiet Franġiskani u Agostinjani li jospitawhom.
Se jiltaqgħu wkoll ma’ wħud mill-kirurgi u konsulenti Maltin u barranin li għandhom taħt il-kura tagħhom il-pazjenti Maltin f’Londra.
Fost l-impenji li se jkollu l-President Vella, se jkun qed jiltaqa’ wkoll mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Patricia Scotland f’Marlborough House.
Sakemm il-President ikun Londra, is-Sinjura Dolores Cristina se sservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta.
Ritratt: OPR