“Il-Partit Nazzjonalista huwa maqsum. Mhux formalment, mhux kważi, iżda fatt u għal dan kollu ma jaħti ħadd ħlief Adrian Delia minħabba r-ras iebsa li għandu.”
Iddikjara dan l-editorjal ta’ fil-ħarġa ta’ The Sunday Times of Malta, bit-titlu – “This is no PN silver bullet, li ttratta l-kriżi li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.
L-Editorjal innota li ħadd f’Tal-Pietà ma jrid jerfa’ r-responsabbilità, izda kulħadd iwaħħal f’xulxin u jippuntaw is-swaba’ lejn xulxin.
Żied li l-assistenti ta’ Adrian Delia għandhom ħafna xi jwieġbu, iżda Adrian Delia bħala Kap Nazzjonalista, irid jerfa’ r-responsabilità.
It-Times li hi qrib tal-fazzjoni Busuttil, akkużat lil Delia li bl-imġiba tiegħu Delia qiegħed iweġġa’ dawk li jsejjaħ bħala Nazzzjonalisti ġenwini/ Dan minħabba li l-Oppożizzjoni, immexxija minnu hija dgħajfa, u saħansitra ma teżistix, kompla jżied l-editorjal.
Biex ikompli jitfa’ dawl dwar is-sitwazzjoni mwiegħra fil-partit nazzjonalista llum, qabbel it-tmexxija tal-partit llum taħt Delia mat-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami li skont it-Times kien Kap b’saħħtu, li jista’ jiġi elett u b’viżjoni ċara għall-Partit u l-pajjiż. Ħiliet li skont The Times m’għandux Adrian Delia.
L-Editorjal zied li jgħid li l-ħitan, is-soqfa u l-art ta’ dik li darba kienet l-istamperija fl-aqwa żminijiet tagħha, illum qegħdin jiġġarrfu u jaqgħu biċċiet. Sostna li waqt li s-sitwazzjoni fil-partit ilha sejra mill-ħażin għall-agħar, illum jinsab mheżżeż mill-pedamenti tiegħu.
Dwar il-manuvra ta’ Delia li jqabbad lill-eks ministru Nazzjonalista Louis Galea sabiex jagħmel riforma politika fil-Partit Nazzjonalista, l-Editorjal ta’ The Times qal li l-inkwiet fil-Partit Nazzjonalista mistenni jizdied. Waqt li sostna li Galea hu magħruf għall-mod kif ħaddem l-istrutturi tal-partit fit-tmeninijiet, qal li dan m’għamlux waħda iżda taħt fenech adami u mħuħ oħra fil-partit nazzjonalista li sejħilhom nazzjonalisti ta’ veru.
Sostna li din l-aħħar mossa ta’ Delia, li jqabbad lil Galea biex jagħmel riforma fil-partit, huwa ezerċizzju biex jaħbi u jirbaħ iż-żmien għalih innifsu u għamilha ċara li dan mhu se jwassal għall-ebda soluzzjoni immedjata għall-problemi kbar li ilhom jaħkmu lill-Partit Nazzjonalista, kiteb l-editorjal ta’ The Sunday Times.