Fuq ONE Radio il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-rapport li ppubblika l-gvern b’reazzjoni għal dak li jkun qal l-Awditur Ġenerali fir-rapporti tiegħu. Fisser kif qabel konna mdorrijin b’sistema fejn l-Awditur Ġenerali jiġi jeżamina lill-Gvern u joħroġ numru ta’ rakkomandazzjonijiet li mbagħad ikunu injorati. Għar-raba’ sena l-gvern ħareġ dokument dettaljat bir-reazzjoni tiegħu.
“Ħareġ li mir-rapport tal-2017, l-Awditur Ġenerali kien ħareġ lista ta’ 192 rakkomandazzjoni li l-Gvern għandu jagħmelu minnhom aħna bħala Gvern, aġixxejna fuq 172 minnhom, 90%.
Diġa’ bdejna nimplimentaw jew ġew implimentati 78% ta’ dawn il-miżuri jiġifieri mhux sempliċiment ngħidu naqblu imma mbagħad nagħmluhom l-affarijiet. Kien hemm 10% oħra li kien hemm interpretazzjoni differenti,” sostna l-Prim Ministru.
Dan it-tip ta’ djalogu huwa importanti ħafna għat-trasparenza li mhux biss sempliiment ikun hemm kritika imma jkun hemm tweġiba ta’ dik il-kritika imbagħad is-sinteżi ta’ dak kollu.
Fuq rapport separat li ħareġ il-Kummissarju għall-Istandards Dr. George Hyzler, il-Prim Ministru qal li “aħna qegħdin neżaminawh u aħna fid-dover li neżaminawh.”
Dr. Hyzler tkellem dwar il-fatt li hemm backbenchers, kemm min-naħa tal-Gvern, kemm min-naħa tal-Oppożizzjoni li għandhom xi tip ta’ karigi mal-Gvern jew entitajiet tagħhom. Il-Prim Ministru emfasizza li din il-ħaġa bdiet taħt Gvern Nazzjonalista u mhix xi ħaġa li bdieha dan il-gvern.
Il-Prim Ministru enfasizza l-ħtieġa li jkun hemm diskussjoni pubblika, eżami legali ta’ dawn l-affarijiet u m’hemmx dubju li ħa nkunu qed nagħtu kas sewwa ta’ dan ir-rapport u noħorġu bil-pożizzjoni tagħna f’dan ir-rigward.”
Dwar l-għażla tal-persuni biex imexxu l-istituzzjonijiet Ewropej Joseph Muscat fisser kif deher ċar kemm dan il-proċess huwa kkumplikat iżda huwa wkoll intensiv. “Naħseb ħriġna b’sett ta’ ismijiet li huma tajbin immens,” qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru kompla jispjega li jekk Ursola Von Der Leyen tkun approvata mill-Parlament Ewropew, din se tkun “l-ewwel mara li ħa tkun qegħda tmexxi l-Kummissjoni Ewropea… Ħa jkollna l-ewwel mara wkoll li ħa tkun qed tmexxi l-Bank Ċentrali Ewropew, Christine Lagarde, li fil-fehma tiegħi, huwa sinjal politiku b’saħħtu mmens li tnejn mill-aktar istituzzjonijiet b’saħħithom tal-Ewropa, biex ma ngħidx tad-dinja, ħa jkunu mmexxija min-nisa.”
Lil’hinn mill-ismijiet, Muscat saħaq l-importanza li jkollok programm b’saħħtu. “Inħares ‘il quddiem li niddiskutu mal-President il-ġdida, ġaladarba tkun konfermata, naraw kif dan il-programm, imħejji fuq l-istrateġija li aħna approvajna bħala Presidenti u Prim Ministri tiġi mwettqa.”
Il-gvern iħejji għall-baġit
Il-Prim Ministru tkellem dwar kif hu se jħares ‘il quddiem li jkompli l-ħidma tiegħu b’aktar impenn, saħħa, enerġija, ħeġġa u kuntentizza għaż-żmien li ġej fejn “issa x-xogħol kollu ħa jkun immirat lejn il-baġit li jmiss li se jkun il-prijorita’ numru wieħed tiegħi u tal-Gvern… u nassiguraw li jkun baġit b’saħħtu, tajjeb u n-nies ikomplu kif draw. Mhux dan il-baġit x’ħa joħdilna imma dal-baġit x’ħa jtina.”