“Huwa d-dover tagħna li nibnu l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mexxejja mill-Ewropa-Mediterran sabiex jiddjalogaw u jiddibattu azzjonijiet għal futur sostenibbli.” Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela fl-indirizz tiegħu fl-ewwel Euro-Med Debate and Policy Forum.
Dan il-forum sar f’Malta għall-ewwel darba u għaqqad flimkien madwar sittin żagħżugħ li għandhom bejn l-età ta’ 18 u 35 sena minn 20 pajjiż differenti mil-Lvant Nofsani, l-Afrika ta’ Fuq, l-Ewropa u l-Balkani. F’dan id-dibattitu, f’forma ta’ kompetizzjoni, huma indirizzaw l-kwalità tal-edukazzjoni, l-ugwaljanza, il-klima, il-ġustizzja u istituzzjonijiet b’saħħithom. Tlieta mill-parteċipanti kienu Maltin filwaqt li membru mill-10 membri tal-ġurija wkoll kien Malti.
Waqt l-attendenza tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ippreżenta awards lir-rebbieħa ta’ dan id-dibattitu fil-kategoriji female best debater, best male debater u t-tim rebbieħ. Huwa inkoraġixxa ż-żgħażagħ sabiex ikollhom l-istamina, id-determinazzoni u l-viżjoni sabiex iwettqu l-miri tal- Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030. “Bħala l-forza wara t-teknoloġija moderna, intom iż-żgħażagħ għandkom l-abbilità li tippromwovu l-enerġija rinovabbli, it-tibdil fil-klima, l-edukazzjoni, il-protezzjoni tal-ambjent filwaqt li tħarsu lejn il-bini ta’ soċjetajiet ġusti u inklussivi,” qal il-Ministru Abela.
Fit-tmiem ta’ din il-kompetizzjoni, il-Ministru qal li issa wasal il-ħin sabiex dawk li jagħmlu l-politika jiggarantixxu li l-ideat li ġew iġġenerati fuq diversi oqsma jkunu analizzati u l-aqwa ideat jingħataw azzjoni. Huwa rrimarka li dan l-approċċ jaqbel mal-istrateġija tal-UN Youth 2030 u tal-EU Youth Strategy 2027 sabiex jiġi assigurat liż-żgħażagħ huma fuq quddiem nett tal-aġenda komuni. Il-Ministru Abela żied jgħid li l-Ministeru tiegħu flimkien ma’ entitajiet oħra f’Malta jinstabu lesti sabiex joffru appoġġ lil Anna Lindh Foundation fl-iżvilupp ta’ akkademja għaż-żgħażagħ, The Young Mediterranean Voices Leadership Academy.
L-għan ewlieni tal-programm Young Mediterranean Voices huwa li jagħti spinta liż-żgħażagħ sabiex itejbu kultura ta’ djalogu li tikkontribwixxi għal politika pubblika. L-għan huwa li jiġu organizzati dibattiti interkulturali u ħsieb kreattiv dwar kif iż-żgħażagħ jistgħu itejbu l-ħiliet fid-diskors pubbliku u t-tmexxija li jikkontribwixxu għall-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030.
Dan il-forum ġie organizzat bl-għajnuna ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Anna Lindh Foundation, il-British Council, is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontorjat u kofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-pajjiżi li jiffurmaw id-delegazzjoni żagħżugħa huma l-Alġerija, il-Belġju, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Eġittu, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Ġordan, il-Lebanon, il-Libja, Malta, il-Marokk, il-Palestina, is-Slovenja, Spanja, it-Tuneżija u l-Ingilterra.
Ritratti (MFTP)