Il-kuntratturi Maltin kollha obbligati jirreġistraw f'direttorju ġdid mill-BRO u l-MDA | One News

Notifiki

Il-kuntratturi Maltin kollha obbligati jirreġistraw f’direttorju ġdid mill-BRO u l-MDA

Minn nhar l-Erbgħa li ġej il-kuntratturi Maltin kollha ser jkunu mitluba japplikaw sabiex isimhom jitniżżel f’reġistru f’forma ta’ direttorju uffiċjali mill-Uffiċċju tar-Regolament tal-Bini u tingħatalhom liċenzja li tippermettihom ikomplu jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni. Dan bil-kollaborazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA).

Dan wara li iktar kmieni llum f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għall-Infrastruttura u Proġetti kapitali, b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin u l-Kamra tal-Periti, tħabbar dan ir-reġistru li ser jgħin ikompli jassigura sigurtá u stabbiltá f’dan is-settur.

Il-Ministru Ian Borġ spjega kif kuntratturi Maltin f’dan ir-reġistru jridu jimlew kriterji bħal isimhom, kunjomhom, kuntatt tagħhom, it-tip ta’ xogħol li jagħmlu, jekk huwiex ta’ skavar, twaqqigħ, bini, kemm-il inġenji għandhom u kemm iħaddmu ħaddiema magħhom, fost oħrajn. B’hekk ukoll il-pubbliku ser ikun jista’ jaċċessa u jikkonsulta ma’ dan ir-reġistru li ser ikun disponibbli onlajn.

B’hekk il-kuntratturi Maltin kollha ser ikollhom madwar 6 xhur sabiex jimlew din l-applikazzjoni għal-liċenzja uffiċjali, li ser tkun qed tingħata malli jagħlaq il-proċess ta’ reġistrar. Fi tmiem il-proċess, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius spjega kif dan ir-reġistru ser jinbidel fi klassifikazzjoni ta’ kuntratturi li jkunu liċenzjati. Ikun imiss imbagħad li titfassal liġi li tippermetti biss lil dawk il-kuntratturi li għandhom il-liċenzja sabiex ikomplu jaħdmu u joperaw f’din l-industrija.

Min-naħa tagħha il-Kamra tal-Periti faħħret din l-inizjattiva. Filfatt il-Perit Simone Vella Lenicker spjegat kif issa l-periti kollha ser ikollhom iktar serħan il-moħħ dwar il-kuntrattur li jqabbdu jagħmel ix-xogħol. Dan hekk kif ser ikunu jistgħu jikkonsultaw ma’ dan ir-reġistru.

Intant l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin permezz tal-President Sandro Chetcuti wkoll faħħret dan il-pass importanti u qalet li l-quddiem iktar stakeholders fil-qasam tal-kostruzzjoni ser ikunu mitluba jirreġistraw sabiex b’hekk jiġi aċċertat l-għola livell ta’ sigurtá għal kulħadd.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend