Imnedija t-tielet edizzjoni tal-ICA Festival bl-isem ‘Distinct’ – One News

Notifiki

Imnedija t-tielet edizzjoni tal-ICA Festival bl-isem ‘Distinct’

L-Istitut għall-Arti Kreattivita fl-MCAST nieda t-tielet edizzjoni tal-ICA Festival fi Spazju Kreattiv, bl-isem Distinct.

L-isem li ngħata jirrappreżenta l-ħiliet varji li żviluppaw l-istudenti waqt l-istudji tagħhom fi ħdan il-kulleġġ, billi ġew imħarrġa f’esperjenzi bħall-apprentistat u esperjenzi relatati max-xogħol. Distinct huwa kunċett kreat mill-istudenti tal-ICA, u jidher fil-branding u l-aspett kuratorjali tal-festival.

Waqt l-inawgurazzjoni tal-festival, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima saħaq dwar kif il-ħiliet tal-istudenti qed jiġu magħġuna mal-personalità tagħhom u jirriżultaw f’differenzi individwali li huma kritiċi għas-suċċess ta’ kull organizzazzjoni fid-dinja kompetittiva tal-lum. 

“L-arti u l-kultura m’għandhomx jitqiesu bħala suġġetti extra-kurrikulari iżda bħala parti integrali mill-esperjenza skolastika sabiex ikunu apprezzati minn età żgħira. L-arti tiftaħ spazju aktar liberu fejn it-tfal u ż-żgħażagħ jistgħu jaħsbu, jimmaġinaw u jistaqsu l-mistoqsijiet, barra mill-istruttura formali tas-sistema edukattiva”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima.

L-għan ewlieni ta’ dan il-festival huwa li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-MCAST ICA u l-komunità. Barra minn hekk, dan l-avveniment ser jiċċelebra l-kreattività u ser iservi bħala pjattaforma biex juri x-xogħol impenjattiv tal-istudenti f’kollaborazzjoni mal-kumpaniji fl-industrija.

Il-MCAST ICA Festival twaqqaf tliet snin ilu bħala kunċett differenti li jagħmel parti mill-esebizzjoni annwali fi ħdan l-Istitut tal-Arti Kreattiva ġewwa l-Mosta. Il-festival huwa mgħejun mill-Kunsill Malti għall-Arti, Spazju Kreattiv, Heritage Malta u Studio Seven.

Il-festival jinkludi wirja li tkun miftuħa mid-9 ta’ filgħodu sad- 9 ta’ filgħaxija, minbarra t-Tnejn, fejn tiftaħ mid-9 ta’ filgħodu sal-5 ta’ filgħaxija, u s-Sibt u l-Ħadd mil-10 ta’ filgħodu sad-9 ta’ filgħaxija.  Il-festival jibqa’ għaddej sal-Ħadd, 4 ta’ Awwissu u tul ix-xahar ser ikun hemm attivitajiet varji b’rabta mal-arti kreattiva. Iktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq is-sit www.icafestival.com.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend