Fit-toroq tal-Kapitali Amerikana llum se tittella’ parata kbira fl-okkażjoni ta’ Jum l-Indipendenza tal-Istati Uniti.
Il-parata, bl-isem Salute to America, qed issir għall-ewwel darba fuq insistenza tal-President Amerikan Donald Trump. Dan wara li Trump kien baqa’ impressjonat meta sentejn ilu kien mistidien mill-President Franċiż Emmanuel Macron għall-parata militari f’Pariġi f’Jum il-Bastilja.
Wara huwa kien ordna lid-Dipartiment tad-Difiża sabiex tibda’ torganizza din il-parata kull sena fl-4 ta’ Lulju, minkejja riżervi kbar minn diversi uffiċjali għolja Amerikani.
Fil-fatt is-Sindku u l-Kunsill ta’ Washington qed jesprimu tħassib kbir dwar din il-parata hekk kif it-tankijiet u l-vetturi militari jistgħu jikkawżaw ħsarat f’uħud mill-iktar toroq famużi fl-Istati Uniti: Pennsylvania Avenue, Constitution Avenue u n-National Mall.
Il-parati militari huma sinonimi l-iżjed ma’ pajjiżi dittatorjali, bħal Korea ta’ Fuq.
Fl-Istati Uniti l-parati militari tradizzjonalment kienu jsiru biss fl-okkażjoni tar-rebħa f’xi kunflitt militari. L-aħħar li saret kienet fl-1991 meta l-President ta’ dak iż-żmien George H.W. Bush kien organizza parata meta l-Istati Uniti rebħet il-gwerra tal-golf.