Partitarji Nazzjonalisti tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qegħdin jakkużaw lid-deputati Nazzjonalisti tal-eks Kap Simon Busuttil li bl-imġiba tagħhom wasslu għal disfatta elettorali oħra fl-elezzjonijiet ta’ Mejju.
L-Erbgħa filgħaxija, partitarji ta’ Delia, li huma wkoll kunsilliera marru quddiem id-Dar Ċentrali u ressqu żewġ petizzjonijiet biex iwieġbu għall-petizzjoni miġbura mill-fazzjoni ta’ Busuttil li sejħet għall-vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia.
Il-partitarji Nazzjonalisti ġabru petizzjoni b’ħames mija u tlettin firma mill-kunsilliera, u petizzjoni oħra b’erbat elef tlett mija u tletin firma mit-tesserati Nazzjonalisti.
Il-petizzjoni tressqet mill-kunsillier tar-Rabat Karl Muscat, il-preżentattriċi u kunsilliera Louise Tedesco u zgħazagħ minn Team Start, ilkoll mill-fazzjoni Delia.
Huma talbu li jittieħdu passi kontra d-deputati tal-fazzjoni Busuttil sabiex jieqfu jagħmlu ħsara lil Delia.
Karl Muscat, anki jekk skomdu jsemmi l-ismijiet, ikkonferma li l-petizzjoni tirreferi għad-deputati ta’ Simon Busuttil.
Dawn in-nies iridu lil kap jitlaq – simon busuttil, karol aquilina, jason azzopardi ? Inti x’taħseb, int x taħseb.
Fl-ittri li ppreżentaw lill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, huma waħħlu fid-deputati ta’ Simon Busuttili.
Minkejja li ma semmewx ismijiet, huma kienu qegħdin iwaħħlu f’Simon Busuttil, Jason Azzopardi, Karol Aquilina, Therese Comodini Cachia, Claudette Buttigieg, Beppe Fenech Adami u Chris Said. Akkużawhom li l-Partit tilef l-elezzjonijiet minħabba fihom.
Waħlu wkoll f’Manuel Delia u gruppi li jimmilitaw mad-deputati ta’ Busuttil fosthom l-Occupy Justice u Republikka, ilkoll kritiċi ta’ Adrian Delia.
Kitbu – “L-imġiba ta’ dawn id-deputat flimkien ma’ kampanja sistematika, kkordinata u organizzata bl-għajnuna ta’ psewdo-bloggers u psewdo NGOs kienu fatturi ewlieni li wasslu għal din id-disfatta” – it-telfa elettorali li ġarab il-Partit Nazzjonalista f’Mejju.
Akkużaw lid-deputati ta’ Busuttil, li l-partit qiegħed jitlef l-elezzjoinijet minħabba fihom.
“L-istess nies li kienu l-kaġun tat-telfa kbira tal-elezzjoni fl-elfejn u tlettax u lit-tesserati warrbu fl-elfejn u sbatax huma l-idejn moħbija wara dan il-manuvrar politiku. Dawk li ġibdu l-ispag dakinhar huma l-stess nies li jridu jkomplu jiġbdu l-ispag u jaħkmu l-partit,” qalu l-partitarji ta’ Delia, fosthom Louise Tedesco.
Żiedu li deputati ta’ Busuttil mhux jaġixxu b’imġiba etika u mhux jaċċettaw li Delia ġie elett kap mit-tesserati.
“Minkejja li matul l-aħħar xhur il-Kap pubblikament appella għall-għaqda u offra l-id tal-ħbiberija innotajna b’dispjaċir li ċertu deputati baqgħu jattendu u jċapċu għad-diskorsi kontra l-kap u l-kap tiegħu minn kelliema tal-NGOs li l-għan tagħhom kien biss li jkissru lill-partit sempliċiment għax l-kap maħtur ma’ kienx dak tal-għazla tagħhom.”
Għas-sejħiet li qiegħed jiffaċċja Delia mill-fazzjoni Busuttil, il-partitarji ta’ Delia qalu li m’għandux għalfejn jirrizenja u akkużaw lilll-fazzjoni Busuttil li m’għandhomx l-interess tal-Partit f’qalbhom. Louise Tedesco qalet li huma l-partitarji ta’ Delia li għandhom l-interess tal-Partit.
“Għalina l-Partit Nazzjonalista jiġi l-ewwel u qabel u kollox,” saħqet Tedesco.
Huma akkużaw ukoll lid-deputati ta’ Busuttil, li mhumiex ta’ ezempju, ma jimxux mal-pożizzjoni tal-partit u li jillikjaw l-informazzjoni lill-midja mill-laqgħat li jkollhom tal-grupp parlamentari.