Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi sejjaħ lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u lill-klikka tiegħu fil-Partit Nazzjonalista bħala sriep merċenarji li ħatfu Partit għal skop maħmuġ.
F’kontroversja oħra bejn il-fazzjoni Delia u l-fazzjoni Busuttil, il-blogger Manuel Delia żvela messaġġi minn grupp tal-whatsapp tal-moviment nisa Partit Nazzjonalista, li fih l-amministrazzjoni nazzjonalista ħeġġithom ixerrdu storja ta’ One News dwar l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
F’Jannar li għadda, meta l-Kap Nazzjonalista kellu pressjoni kbira sabiex jirriżenja mill-fazzjoni Busuttil minħabba l-allegazzjonijiet li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni, l-amministrazzjoni Nazzjonalista ordnat lill-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista sabiex fuq il-paġna tagħhom ixerrdu storja li xandarna fl-aħbarijiet.
Din l-istorja kienet dwar l-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil, b’Liz Said Curmi, partitarja ta’ Delia qalet lill-membri l-oħra li kienu uffiċjali fl-amministrazzjoni li ordnawlha sabiex ixxerred din l-istorja fuq il-paġna tal-moviment.
Hawnhekk weġibtha Sandra Smart Costantino, partitarja tal-fazzjoni Busuttil. B’rawha f’ħalqha qaltilha li ma taqbilx li xxerrdet storja ta’ ONE NEWS fuq il-paġna tal-moviment.
“I don’t think it is appropriate a PL news issue on our page!” kitbet Smart Costantino.
“Is it because they are exposing the old administration?” jiġfieri l-amministrazzjoni preċedenti mmexxija minn Simon Busuttil, weġbitha lura Said Curmi mill-fazzjoni Delia.
Dawn il-messaġġi ġabu rabja kbira minn Jason Azzopardi li ħareġ jakkuża lil Adrian Delia u sħabu fit-tmexxija li ħatfu l-Partit Nazzjonalista u ddeskrivihom bħal sriep merċenarji.
Azzopardi qal “Hekk huma dawn is-sriep merċenarji li ħatfu Partit għal skop maħmuġ.”
“X’inhu l-interess tagħhom li dawn id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista jinbiegħu għall-qatla? Kemm-il tletin biċċa tal-fidda għaddew mill-idejn, staqsa Azzopardi waqt li sostna li Delia li jrid joqtol politikament lid-deputati tal-fazzjoni Busuttil.
Waqt li sejħilhom laħam mibjugħ, qal li kemm ilu fil-partit qatt ma ra dawn il-ħnizrijiet fil-Partit Nazzjonalista.
Fil-kitba tiegħu fuq Facebook Jason Azzopardi itteġġja ħamsin esponent nazzjonalista fosthom deputati bħal Karol Aquilina, Kevin Cutajar u Claudette Buttigieg waqt li temm il-messaġġ tiegħu jgħid li Delia u n-nies ta’ madwaru la huma l-Partit Nazzjonalista u lanqas Nazzjonalisti!