Eks kandidat tal-PN jgħid li Delia għandu jitlaq | One News

Notifiki

Eks kandidat tal-PN jgħid li Delia għandu jitlaq

Adrian Delia m’għandux il-kwalitajiet la biex imexxi l-Partit Nazzjonalista u wisq aktar biex imexxi lill-pajjiżna. Hekk iddikjara l-eks kandidat nazzjonalista Kevin Cassar, li huwa miżżewweġ lil oħt id-deputat nazzjonalista Beppe Fenech Adami. Cassar qal li Delia ma jistax iwaħħal fil-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil, imma l-ħtija hija kollha tiegħu minħabba t-tmexxija ħazina tiegħu.

F’artiklu fuq The Times of Malta taħt it-titlu, Why Delia must go – and why he won’t, il-kirurgu Kevin Cassar, qal li Delia għandu allegazzjonijiet serji fil-konfront tiegħu fosthom li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjien mill-prostituzzjoni. Qal li dan id-dell ikrah fuq Delia kisser il-valuri, il-prinċipji u l-integrità li kien ilu jaħdem għalihom l-Partit Nazzjonalista.

Innota li Delia qatt ma ċaħad dawn l-allegazzjonijiet, l-ewwel qal li ma jiftakarx imbagħad naqas milli jipprovdi evidenza ċara li xxejjen dawn l-allegazzjonijiet. Fakkar kif Adrian Delia kien il-politiku li ma ħallasx eluf ta’ ewro f’taxxi dovuti lill-istat. Cassar, membru tal-familja Fenech Adami, semma’ kaz ieħor li ssemma’ fih Adrian Delia. Qal li meta kien President tat-team tal-football ta’ Birkirkara, Delia ħa footballer f’garaxx u u allegatament uza l-vjolenza fuqu.

Kevin Cassar qal li dawn l-istejjer u allegazzjonijiet, ma jagħmlux lil Adrian Delia Kap kapaċi u jitfgħu dubji dwar il-karattru tiegħu – li mhuwiex onest, ma tistax tafdah u diviżiv. “Dan kollu zgur ma jagħmilx lil Adrian Delia kapaċi biex imexxi l-Partit Nazzjonalista, aħseb u ara l-pajjiż,” żied l-eks kandidat Nazzjonalista Kevin Cassar.

Innota kif Adrian Delia qal li jrid jiftaħ il-bieb tal-partit għan-nies, imma għal xhur sħaħ naqas milli jiltaqa’ mad-deputati tiegħu. Dan b’referenza għall-istqarrija li għamel Delia fil-konfront ta’ Jason Azzopardi meta qal li ma jridx jaħli aktar ħin miegħu. Cassar innota wkoll kif Adrian Delia ma semax il-fehmiet tal-partitarji nazzjonalisti.

Kevin Cassar qal li fost l-izbalji kbar li għamel Delia kien meta ta daqqa lill-eks kap nazzjonalista Simon Busuttil, ftit sigħat wara li ġiet ippublikata l-inkjesta Egrant.

Semma wkoll l-attakki ostili li għamel Delia lejn Daphne Caruana Galizia meta fost oħrajn sejħilha biċċa blogger. Żball ieħor li gaħmel Delia kien meta bidel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’referendum dwar l-abort, anki jekk kien jaf li se jitlef l-elezzjoni. Kevin Cassar, esponent fil-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, qal li Adrian Delia mhux jirrealiza li hu ma jistax jgħaqqad il-Partit għax m’għandux il-fiduċja tan-nazzjonalisti l-akkaniti, u b’dak li jġorr wara dahru lanqas jista’ jirbaħ elezzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend