Lesti mmorru quddiem il-Kummissjoni Ewropea biex ninvestu fl-Air Malta | One News

Notifiki

Lesti mmorru quddiem il-Kummissjoni Ewropea biex ninvestu fl-Air Malta

Il-Gvern huwa kommess li jiftaħ diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun jista jsir investiment qawwi fl-Air Malta, kemm il-darba s-sitwazzjoni fil-linja tal-ajru nazzjonali tirriżolvi ruħha.

Żvela dan il-Ministru Konrad Mizzi meta mistoqsi minn ONE NEWS dwar l-aħħar żviluppi fit-tilwima bejn l-unjin tal-bdoti l-ALPA u l-Air Malta.

Tenna li l-gvern u l-Air Malta qed jestendu l-id tal-ħbiberija minkejja t-talbiet mhux ġustifikati tal-ALPA.

“Aħna bħala Gvern jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed, jiena qed inwiegħed li l-każ mal-European Commission se nagħmluh biex ninvestu bil-kbir fl-Air Malta u nħabbru investment plan kbir għas-snin li ġejjin.” Saħaq il-Ministru Mizzi

L-għada li l-qorti laqgħet mandat ta’ inibizzjoni sabiex l-ALPA twaqqaf azzjonijiet industrijali fl-Air Malta, il-Ministru Mizzi tenna l-pożizzjoni tal-Gvern li t-talba tal-bdoti għal garanzija ta’ pakkett finanzjarju ta’ seba’ mitt elf ewro m’ijiex aċċettabbli.

“Il-kumpanija u l-bdoti jpoġġu madwar il-mejda u jiftehmu fuq l-agreement u wara li niftehmu nkomplu nkabbru. Min-naħa tagħna l-Gvern mhu se jkun parteċipi għall-ebda garanzija.” Kompla jgħid.

Intant fi stqarrija, il-kamra tal-kummerċ Maltija kkundannat l-azzjonijiet industrijali li għamlet l-ALPA, fejn qalet li dawn qed iżommu l-pajjiż ostaġġ, bil-Ministru Mizzi jisħaq li kulħadd irid jiġbed ħabel wieħed għal ġid tal-ħaddiema tal-Air Malta u pajjiżna.

“Kulħadd irid jiġbed il-ħabel tiegħu, kemm b’rispett għall-poplu Malti u Għawdxi, kemm b’rispett għall-kumpanija u l-lealtà lejha u rispett għall-ħaddiema l-oħrajn li m’humiex pilots ukoll.” Ikkonkluda il-Ministru

Matul il-jum, ireaġġixxiet ukoll l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-ristoranti l-MHRA, fejn qalet li t-talbiet tal-bdoti m’humiex raġjonevoli u li għandhom jiefqu hekk kif dawn mhux biss qed jagħmlu ħsara lill-membri fi ħdan l-MHRA iżda jaf ikunu ta’ ħsara għall-ekonomija Maltija.

L-MHRA żiedet li dawn it-talbiet jaf iwasslu għall-istess destin li ħabbtu wiċċhom miegħu diversi linji tal-arju li llum spiċċaw falluti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend