ARA: Tibda l-ġimgħa tal-pulizija – One News

Notifiki

ARA: Tibda l-ġimgħa tal-pulizija

Infetħet uffiċjalment il-ġimgħa tal-pulizija b’diversi attivitajiet fi pjazza Ħelsien fil-Belt. Dan fl-okkażjoni tal-205 anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija.

L-attivitajiet fil-Belt bdew b’kunċert mill-Banda tal-Korp. Iktar tard saret ukoll rappreżentazzjoni mit-taqsima tal-klieb tal-Pulizija.

Fl-istess ħin ġew esebiti diversi vetturi tal-Pulizija, l-armi użati mill-Ispecial Intervention Unit u apparat li jintuża mill-uffiċjali tal-forensika u tax-xena tar-reat.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar spjega li l-ħidma tal-Korp ma tieqaf qatt. Saħaq li s-soċjetà llum qiegħda taffaċċja sfidi ġodda u għaldaqstant jeħtieġ li l-Korp jadatta ruħu għal din ir-realtà.

“Dejjem għaddejjin bil-ħidma tagħna. Tista tgħid dawn l-aħħar sentejn saru ħafna rinovazzjonijiet fil-Korp. Barra li ġew irranġati ħafna mill-kundizzjonijiet tal-membri tagħna bħalissa qed nagħmlu diversi eżerċizzji biex niffrontaw ċertu sfidi li fil-passat ma kinux daqshekk kif inhuma llum.”

Waqt l-attività l-Pulizija kienet disponibbli biex tagħti informazzjoni lill-pubbliku dwar karrieri fil-Korp, hekk kif fl-aħħar jiem inħarġu sejħiet għall-ingaġġ ta’ Kuntistabbli u Spetturi ġodda.

Is-Supretendent Kenneth Haber saħaq li r-rispons għas-sejħiet kien qawwi, tant li ġibed interess minn barra minn xtutna, minkejja li s-sejħiet huma miftuħa biss għal ċittadini Malti.

“S’issa r-rispons kien pożittiv ħafna. Kellna ħafna queries saħansitra minn nies minn barra minn Malta. Bagħtulna jekk jistgħux jidħlu fil-Korp. Lokalment kellna ħafna mistoqsijiet fil-fatt il-pubbliku l-ħin kollu ġej jistaqsi.”

Is-Supretendent Haber spjega li fil-jiem li ġejjin se jittellgħu sessjonijiet ta’ informazzjoni għal dawk interessati.

“Is-Sibt li ġej ġol-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fl-għaxra ta’ filgħodu ħa jkollna question and answer u on the 16th fis-seba’ ta’ filgħaxija għal min jixtieq jiġi u jkellimna face-to-face, mhux fuq it-telefown jew bl-internet. Jista’ jiġi jagħmel il-mistoqsijiet li jrid u aħna nkunu nistgħu ngħinuh u niggwidawh jekk ikun jixtieq japplika fil-Korp tal-Pulizija.”

L-attivitajiet tal-205 anniversarju tal-Korp tal-Pulizija ikomplu matul din il-ġimgħa f’diversi lokalitajiet, bil-qofol tagħhom jintlaħaq fit-13 ta’ Lulju meta se tittella’ parata fi Pjazza San Ġorġ.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend