ARA: Binjiet Arkitettoniċi għall-wiri mal-promenade f'Tas-Sliema | One News

Notifiki

ARA: Binjiet Arkitettoniċi għall-wiri mal-promenade f’Tas-Sliema

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius nedew il-wirja ‘Unsung Architectural Icons organizzata mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Pajjiżna mhux nieqes mill-wirt arkitettoniku u kemm-il darba nitkellmu fuq il-konservazzjoni ta’ dan il-wirt u fuq l-iskedar li tagħmel l-Awtorità tal-Ippjanar. Biss biss rajna aktar minn 1,700 binja tingħata assistenza għal restawr permezz tal-ewwel żewġ edizzjonijiet ta’ ‘Irrestawra Darek’, u aktar minn 750 applikazzjoni fl-ewwel siegħa biss tat-tielet edizzjoni din is-sena.

Fl-istess waqt kellna 95 proprjetà li ġew skedati fl-2017 u fl-2018. Naħseb huwa tajjeb li niftakru li meta nitkellmu fuq il-ġojjelli arkitettoniċi tagħna nimirħu lil hinn minn dak li forsi tradizzjonalment jiġina f’moħħna u huwa l-pjaċir tiegħi li nara lill-Awtorità tal-Ippjanar għal darboħra fuq quddiem nett f’dan l-eżerċizzju li jagħti ġieħ lil din l-arkitettura aktar modernista wkoll.”

Il-Ministru rrefera għal numru ta’ binjiet li se jkunu qegħdin jidhru f’din il-wirja, fosthom il-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu fil-Fgura u l-binjiet maestużi bl-isem Balluta Buildings f’San Ġiljan u qal li żgur li ħafna minna rrimarkaw dwar id-disinn uniku ta’ dawn il-binjiet, fost oħrajn, xi darba jew oħra.

“Naħseb li huwa eżerċizzju utli għal kull Malti u Maltija li jħares ftit lejn dawn il-binjiet u jagħraf għaliex huma protetti, jagħraf il-valur u l-istorja tagħhom – eżerċizzju li jfakkarna kemm għandna biex inkunu kburin u dwar il-valur ta’ arkitettura bi ħsieb. Malta hija gżira b’valur kbir; ejja nagħtu ġieħ lil dak kollu li jagħmel lil pajjiżna dak li hu,” għalaq il-Ministru Ian Borg.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius spjega li dawn il-wirjiet għandhom l-għan li jiċċelebraw l-arkitettura f’Malta u fl-istess waqt, iqarrbu lill-pubbliku lejn l-arkitettura ta’ binjiet u monumenti protetti minn dawn iż-żewġ sekli. Chris Agius irringrazzja lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Istitut Malti tal-Fotografija Professjonali għal din l-inizjattiva.

Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar is-Sur Johann Buttigieg qal, “Nistgħu ngħidu li huwa grazzi għall-istorja kkulurita ta’ pajjiżna li llum għandna diversi stili ta’ arkitettura li waħedhom jirrakuntaw ġrajjet pajjiżna. L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li noħolqu għarfien u apprezzament għal ġojjelli arkitettoniċi li forsi mhumiex daqstant magħrufin iżda li lkoll kellhom impatt fuq l-istorja tal-bini f’pajjiżna. Qed nitkellmu fuq 30 binja u monumenti li huma protetti fuq Grad 1 jew 2 mill-Awtorità, favur il-konservazzjoni tal-wirt tagħna.”

Is-Supretendent tal-Wirt Kulturali Joe Magro Conti qal, “Din hija esebizzjoni ta’ tribut għall-kreattività tal-periti Maltin li ħaddnu l-prinċipji klassiċi tal-kittieb Ruman Vitruvju dwar l-arkitettura u d-disinn: il-proporzjon, ritmu, simetrija, bilanċ, kompożizzjoni u armonija. Arkitettura Modernista bbażata fuq ix-xjenza u materjali ġodda, li tħares ’il quddiem b’interess li tiskopri fronti ġodda fl-arkitettura.”

Il-wirja se tkun qiegħda tintwera fuq il-promenade tas-Sliema mill-bieraħ l-1 ta’ Lulju sal-10 ta’ Lulju 2019, quddiem il-Malta National Aquarium fil-Qawra mit-22 sal-31 ta’ Lulju 2019, fuq il-promenade ta’ Marsaxlokk mill-10 sad-19 ta’ Awwissu 2019, u fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta mis-26 ta’ Awwissu sal-4 ta’ Settembru 2019. Ir-ritratti ittieħdu mill-membri tal-Istitut Malti għall-Fotografija Professjonali. L-inizjattiva hija parzjalment finanzjata mill-Unjoni Ewropea.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend