21,000 negozju jaċċessaw l-MEAINDEX | One News

Notifiki

21,000 negozju jaċċessaw l-MEAINDEX

Sena mindu l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem welldet is-sistema onlajn MEAINDEX, illum il-ġurnata eluf ta’ persuni u negozji qed jieħdu vantaġġ minn dak li qed joffri dan is-sit.

Filfatt f’konferenza tal-aħbarijiet intqal kif f’din l-aħħar sena iktar minn 21,000 elf persuna s’issa aċċessaw dan is-sit elettroniku li jiffaċilitá u joffri pjattaforma kemm għal dawk b’negozju u anke għal dawk li jaspiraw jiftħu għal rashom.

Id-direttur Ġenerali tal-MEA, Joseph Farrugia, qal,”Eluf ta’ negozji s’issa qiegħdin jikkolaboraw qiegħdin jidħlu fih dan l-index u jieħdu informazzjoni minnu.”

Is-Sur Joseph Farrugia tkellem dwar l-iskop aħħari ta’ din il-pjattaforma.

“Is-servizz ewlieni li qed jagħti din l-għodda huwa li min qiegħad fin-negozju u għandhom bżonn xi informazzjoni flok li joqgħod jagħmel ħafna telefonati l-hemm u l-hawn, għandu sors wieħed fejn qed ikun hemm din l-informazzjoni kontinwament aġġornata.”

Intant is-Sur Farrugia tkellem ukoll dwar kif MEAINDEX qed tgħin sabiex kull negozju jżomm aġġornat mar-regolamenti neċessarji sabiex b’hekk jimxi b’mod legali.

Dan hekk kif permezz ta’ din il-pjattaforma qed tonqos il-burokrazija b’riżultat li l-applikazzjonijiet qed jiġu proċessati f’inqas ħin

“Aħna favur l-infurzar peró fl-istess ħin in-negozju jrid ikollu għajnuna biex ikun compliant ukoll. Fis-sens li eżempju jekk qed japplika għal permess biex iġib impjegati barranin din l-applikazzjoni għandha tiġi proċessata fl-inqas żmien possibli.” Kompla Farrugia.

Waqt il-konferenza li mmarkat sena mit-twaqqif ta’ din is-sistema L-MEA qassmet ukoll 20 ċertifikat lill-għoxrin entità pubblika u privata li matul din is sena provdew informazzjoni u aġġornamenti sabiex l-MEAINDEX dejjem taqdi b’effiċċjenza lin-negozji Maltin.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend