Żagħżugħ ta’ 20 sena mill-Guinea ndarab gravi wara li waqa’ sular u nofs minn fuq scaffolding fi Triq il-Kitba, fil-Fgura.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ filgħodu meta ż-żagħżugħ kien qed jagħmel xi xogħol fi skola li hemm fl-istess triq.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.