14-il resident li ġarrbu ħsarat fl-appartament tagħhom kawża ta’ xogħlijiet f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq il-Mimosa f’Ġunju li għadda, fetħu protest ġudizzjarju kontra l-iżviluppatur Mohib Abouzidan u r-rappreżentanti tal-kumpanija.
Il-protest ġudizzjarju ffirmat mill-Avukati Edward Zammit Lewis u Veronique Dalli talab lill-iżviluppatur jagħmlu tajjeb għad-danni li ġarrbu, li qed iġarrbu u li se jġarrbu.
Fil-protest ingħad li ġarrbet danni kbar fl-appartamenti tagħhom kawża ta’ xogħol ta’ skavar u kostruzzjoni taħt it-tmexxija tal-Perit Jonathan Schembri. Qalu li dan l-inċident seħħ minħabba traskuraġna u nuqqas ta’ osservanza tar-regolamenti u tal-liġi.
Sostnew li sal-lum għadhom bla saqaf fuq rashom u tteħdulhom l-affarijiet personali tagħhom bla ebda awtrizzazzjoni.
Għamluha ċara li qabel il-kuntrattur ikompli bix-xogħol għandu jimxi mar-regolamenti l-ġodda waqt li żiedu jgħidu li għaddejjin verifiki tekniċi biex jiġi stabbilit jekk il-binja tagħhom għandhix titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid bi spejjeż tas-sid u l-kuntrattur.