Il-lukanda Park Hotel f’Tas-Sliema ġiet sfurzat tagħlaq il-bibien tagħha għax mhux denja li tilqa’ t-turisti. B’deċizzjoni tal-Qorti ġabet fis-seħħ avviz ta’ infurzar mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.Ix-xahar li għadda l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu ħarġet avviż ta’ infurzar biex twaqqaf il-lukanda milli topera. Bis-sid, Esther Camilleri li għandha l-liċenzja tal-lukanda f’isimha, talbet mandat ta’ inibizzjoni biex twaqqaf lill-awtorità milli tagħlaq il-lukanda.
Is-sid qalet li wara l-ewwel spezzjoni tal-awtorità tat-turizmu f’Ġunju 2016, kienet għamlet diversi xogħlijiet fil-lukanda, tant li nefqet nofs miljun ewro. Qalet li tul dan iż-żmien l-Awtorità ħallietha topera, u li minn spezzjonijiet li għamlet kienet sabet biss nuqqasijiet żgħar.
Iżda min-naħa tagħha l-Awtorità tat-Turiżmu sostniet li kienet tat ċans lil lukanda biex tikkonforma ruħha mal-istandards ta’ lukanda ta’ erba’ stilel, iżda minn spezzjonijiet li saru l-lukanda kienet fi stat ħażin ħafna.
Ingħad, kif fil-lukanda kien hemm problema ta’ ġrieden, u li l-Awtorità tat-Turiżmu kienet irċeviet pataflun ilmenti mit-turisti, li anki kitbu fuq Trip Advisor. Dan kollu kien qiegħed itellef ir-reputazzjoni ta’ Malta mat-turisti.
Fid-deċizzjoni tiegħu l-Imħallef Robert Mangion kellu kliem iebes għall-istat tal-lukanda, li tant kien gravi li ma kienx denju li jilqa’ t-turisti. Ma kinitx lukanda denja la ta’ erba’ stilel u lanqas tal-ebda kategorija.