Studenti Maltin b’opportunità li jimpressjonaw barra minn xtutna – One News

Notifiki

Studenti Maltin b’opportunità li jimpressjonaw barra minn xtutna

Frott kollaborazzjoni bejn l-Assoċjazzjoni tal-plejers tal-Futbol Malti u l-iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke, 18-il plejer ta’ bejn 15 u 16-il sena ser jipparteċipaw fi Training Camp fl-Ingilterra fejn ser ikunu evalwati minn scouts internazzjonali.

F’konferenza tal-aħbarijiet intqal kif dan huwa l-ewwel proġett tat-tip tiegħu u bħala parti minn din il-kollaborazzjoni l-MFPA ser tkun qed tħallas 60% ta’ dan il-proġett. Proġett li ser jibda jsir darba fis-sena.

Is-surmast tal-iskola is-Sur Robert Magro u l-kowċis tat-tim is-Sur Paul Zammit u s-Sur Stefan Sultana spjegaw kif matul dan it-training camp li ser isir bejn id-9 u 13 ta’ Lulju li ġej, l-istudenti Maltin ser ikunu qed jilagħbu tliet partiti ta’ ħbiberija kontra Leeds United, Sheffield United u Walton fejn hemmhekk huma ser ikunu evalwati.

Huma qalu li jittamaw li l-istudent jimpressjonaw lil dawn l-iscouts sabiex eventwalment ikun possibli li jkomplu b’karriera barra minn xtutna.

Is-Sur Magro tkellem ukoll dwar ix-xogħol tal-iskola Nazzjonali tal-Isport matul din is-sena fosthom kollaborazzjoni mal-Junior College u l-Università ta’ Malta sabiex jibqgħu jinċentivaw l-isport għaż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-18-il sena.

Min naħa tal-MFPA is-Sur Carlo Mamo faħħar ix-xoghol tal-iskola nazzjonali għall-isport u qal li fiha l-MFPA rat opportunità tajba sabiex tfal Maltin ikomplu jduqu esperjenza barra minn Malta fil-qasam sportiv.

Preżenti għal din il-kollaborazzjoni, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-isport Dr. Clifton Grima faħħru din l-inizjattivà u kull min ħadem sabiex ssir realtà.

Il-Ministru Bartolo qal li l-isport huwa essenzjali u jagħmel parti kbira mill-edukazzjoni taż-żgħażagħ. Huwa saħaq ukoll fuq l-irwol importanti tal-ġenituri tal-atleti Maltin sabiex jibqgħu jimbuttawhom ‘il quddiem fil-karrieri rispettivi tagħhom.

Intant is-Segretarju Parlamentari Dr. Clifton Grima qal li dawn it-tip ta’ okkazjonijiet huma essenzjali għall-iżvilupp ta’ dawn iż-żgħażagħ u għalhekk huwa importanti li jieħdu vantaġġ minnhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend